Kultura
Se jibda x-xogħol biex Għar Għerduf jibda jitgawda mill-pubbliku

Fi ftit tal-ġranet oħra mistenni jibda t-tindif ta’ Għar Għerduf, post ta’ valur storiku u arkeoloġiku f’Kerċem, bil-ħsieb li jsir proġett li bih il-pubbliku jkun jista’ japprezzah għall-ewwel darba. Dan ser ikun possibbli wara azzjoni li ħa l-gvern biex akkwista art mingħand il-privat.

Fil-ġenb tat-triq ewlenija li twassal għaċ-ċentru tar-raħal ta’ Kerċem, issib Għar Għerduf, fejn hemm il-fdalijiet ta’ katakombi ta’ żmien ir-Rumani u li possibilment huma l-ewwel prova ta’ kristjaneżmu f’Għawdex.

Sentejn ilu l-post kien inqabad f’kontroversja wara l-għoti ta’ permess għall-bini ta’ dar qribu. Il-permess kien ġie rtirat mill-Awtorità tal-Ippjanar. Riżultat ta’ dan, il-Gvern ħa l-passi biex jakkwista mingħand il-privat, għal skop pubbliku, art konnessa ma’ dan is-sit arkeoloġiku.

L-Awtorità tal-Artijiet mexxiet il-proċeduri biex il-Gvern akkwista erba’ biċċiet art, li jinkludu l-katakombi u madwaru. L-ispiża għall-esproprjazzjoni tal-art laħħqet l-€405,000 u nħarġet mill-Ministeru għal Għawdex.

“Il-Ministeru ħareġ il-fondi biex din l-art saret art tal-Gvern, biex jibda eżerċizzju ta’ preservazzjoni u konservazzjoni, u anke imbagħad ikun hemm proġett li permezz tiegħu nkunu nistgħu nippermettu lill-pubbliku jgawdi s-sit,” qalet il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana.

Kelliem għall-Ministeru ta’ Għawdex kien qal lil TVM li qed jitħejjew il-pjanti u d-disinni biex jitressqu għall-approvazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Fost l-għaqdiet mhux governattivi li rsistew biex Għar Għerduf jiġi salvat mill-iżvilupp: Wirt Għawdex. Il-President, Giovanni Zammit, radd ħajr lill-Ministeru ta’ Għawdex, li wara li esproprija s-sit biex jingħata lura lill-pubbliku, involva lil Wirt Għawdex fir-restawr u r-rijabilitazzjoni.

Is-Sur Zammit qal li taħt is-superviżjoni tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, fil-ġranet li ġejjin għandu jibda t-tindif tal-post. “Nibdew innaddfu dan is-sit. Jekk hemm bżonn ‘il quddiem issir riċerka iżjed, inħallu f’idejn is-Sovrintendenza biex issir ir-riċerka meħtieġa. Wara li jsir dan ix-xogħol kollu imbagħad immorru għaż-żewġ pjanijiet li għandu l-Ministeru ta’ Għawdex. Nagħżlu wieħed minnhom biex isir xi tip ta’ information centre biex min jiġi f’din iż-żona, Għawdxin, Maltin u viżitaturi barranin, ikunu jistgħu jaraw l-istorja ta’ dan il-post.”

Is-Sur Zammit m’eskludiex il-ħtieġa li jsiru aktar skavi, u indika li wieħed mill-pjani tal-Ministeru jikkunsidra l-akkwist ta’ biċċa art oħra għal aċċess aħjar mit-triq.

Aħbarijiet Oħra
Droga

L-Aġenziji li jaħdmu mal-vittmi tad-droga fosthom is-Sedqa u l-Caritas huma tal-fehma li l-użu rikreattiv tal-kannabis m’għandux ikun promoss għax ikattar il-kultura favur l-abbuż tad-droga. Din il-fehma intweriet waqt il-programm Dissett…

Partit Nazzjonalista

Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Kristy Debono qalet fi stqarrija li sabet li 84 mill-200 firma fil-petizzjoni li titlob biex jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali biex jiddiskuti l-ġejjieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista huma…

Lokali

Ta’ tnax-il sena sofriet diżabilità minħabba mard u wara ħafna snin ta’ żwieġ kellha tifel bil-kundizzjoni down syndrome. Minkejja l-isfidi, Lorraine Pellicano tgħid li Thomas berkilha ħajjitha u ħerqana li…

Lokali

Meqjusa fost l-ewwel tobba f’Malta li bdiet taħdem bla heda mal-vittmi tad-droga, ħidmet it-tabiba Maria Sciberras tfakkret f’konferenza f’għeluq il-25 sena mit-twaqqif tal-Aġenzija Sedqa u fil-jum internazzjonali kontra l-abbuż u…

Aktar