Edukazzjoni
Se jibdew jitgħallmu fi klassi li tixbah il-post tax-xogħol

Minn hawn u tliet xhur oħra l-istudenti fl-iskejjel tal-Gvern li jagħżlu suġġetti vokazzjonali se jżanżnu klassijiet ġodda li jkunu bħal fula maqsuma mal-postijiet tax-xogħol futuri tagħhom. F’kummenti lil TVM, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, Frank Fabri qal li fi żmien sena l-iskejjel sekondarji kollha f’Malta u Għawdex se jkunu mgħammra b’dawn il-klassijiet li qed isiru b’investiment ta’ €10 miljun.

Ftit snin biss wara li fl-iskejjel sekondarji tal-Gvern bdew deħlin suġġetti vokazzjonali, il-Ministeru għall-Edukazzjoni beda programm ta’ investiment biex l-iskejjel ikunu attrezzati bl-aħjar mod possibbli u biex l-istudenti jieħdu l-aħjar esperjenza fis-suġġetti vokazzjonali li jagħżlu biex ikomplu l-vjaġġ edukattiv tagħhom. Waħda mill-iskejjel li qed tiġi mħejjija hi l-iskola San Ġorġ Preca fil-Ħamrun.

Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, Frank Fabri qal ”studenti li se jagħżlu Media Literacy, il-klassijiet li se jitgħallmu fihom se jkunu l-istudios bl-apparat kollu li nsibu fl-industrija. L-istudenti li se jagħżlu l-Ospitalità se jidħlu fi klassijiet kbar ħafna ikbar minn klassijiet imdorrijin bihom fejn fihom se jkunu qed jitgħallmu f’ambjent li hu simili ħafna għall-industrija.”

Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Frank Fabri kompla jgħid li fi żmien sena se jibdew jiġu mgħallma suġġetti vokazzjonali ġodda.

”Sa Settembru 2019 irridu nlestu 77 workshop għas-suġġetti vokazzjonali u applikati fl-iskejjel sekondarji f’Malta u Għawdex. Il-pjan tagħna hu, minħabba li dan hu proġett kbir ħafna b’investiment ta’ €10 miljun, il-pjan hu illi sa tmiem Diċembru jiġu finalizzati madwar 40 workshop fi skejjel differenti” qal Dr Fabri.

Dr Fabri qal li l-bini ta’ dawn il-klassijiet il-ġodda jmur id f’id mal-ftehimiet li qed isiru mas-settur privat biex parti mit-tagħlim tal-istudenti jibda jsir fil-postijiet tax-xogħol stess.

Il-Kap tal-Iskola Sekondarja San Ġorġ Preca fil-Ħamrun, Dorianne Portanier Mifsud qalet li dawn il-klassijiet ġodda se jagħtu bixra isbaħ u aħjar lill-esperjenza edukattiva tal-istudenti.

Il-Kap tal-Iskola Sekondarja San Ġorġ Preca, Dorianne Portanier Mifsud ”se nkunu qegħdin nassiguraw illi nilħqu lill-istudenti kollha jiġifieri se jkollna dawk li jħobbu l-akkademja, hemm programmi vokazzjonali u dawk li huma applied allura se nkunu naraw li nilħqu kull student.”

Għalkemm il-ġimgħa d-dieħla se tibda sena skolastika ġdida, Dr Fabri qal li x-xogħlijiet li qed isiru mhux se jħarbtu l-klassijiet u assigura lill-ġenituri li t-tagħlim se jsir b’mod normali.

Aħbarijiet Oħra
Immigrazzjoni

164 pajjiż fosthom Malta iffirmaw dak li qed jissejjaħ Patt Globali dwar l-Immigrazzjoni Ordnata u Regolari. Waqt ċerimonja f’Marrakech fil-Marokk, intqal li dan il-patt se jwassal għall-immaniġġjar aħjar tal-migrazzjoni f’tentattiv…

Lokali

L-iskart organiku li beda jinġabar fl-aħħar xahar u nofs diġà qed jiġġenera l-enerġija daqskemm tintuża minn aktar minn 6,000 familja. Il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv David Borg qal lil TVM li l-iskema…

Lokali

L-Awditur Ġenerali innota li t-tisħiħ fil-liġi tal-volontarjat li saru din is-sena għandhom isaħħu jdejn il-Kummissarju tal-Volontarjat fil-funzjoni regolatorja u l-governanza fis-settur tal-volontarjat. F’rapport li ppreżenta lill-Parlament, l-Awditur Generali Charles Deguara…

Lokali

Għalkemm qed ngħixu f’dinja li saret raħal u miżgħud b’mezzi teknoloġiċi, qed tikber il-pjaga tas-solitudni u magħha l-esklużjoni soċjali. Il-problema tinħass fil-faxex kollha tas-soċjetà, mit-tfal sal-anzjani u taf tiggrava fiż-żminijiet…

Aktar