Qorti
Se jibqa’ arrestat f’daru l-ġuvni akkużat li tajjar u qatel żagħżugħ f’San Ġiljan

Illum tressaq il-Qorti l-ġuvni li allegatament tajjar liż-żagħżugħ Olandiż meta kien qed jippassiġġa ma’ sħabu f’San Ġiljan u miet jumejn wara fl-isptar Mater Dei.

Michael Caruana Turner ta’ 20 sena minn B’Kara wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.  Fil-Qorti huwa qed jiffaċċja akkużi fost l-oħrajn tal-qtil involontarju tal-Olandiż Tim Scholten u li darab ħafif lil 5 żgħażagħ oħra barranin.  Akkużi oħra jikkonsistu f’sewqan perikoluż u sewqan taħt l-influwenza tax-xorb.

Preżenti fl-Awla, kien hemm il-familja tal-akkużat – ommu, missieru u żewġ ħutu – ġuvni u tfajla.  L-avukat difensur Joe Giglio talab għall-ħelsien mill-arrest tal-ġuvni.

L-ispettur anzjan Trevor Micallef qal li l-ġuvni tressaq illum peress li wieħed mill-vittmi kien għadu ħaj fl-ITUu għaldaqstant qal li ma kienx jista’ jerġa’ jressqu jekk il-persuna bi ġrieħi serji tmut. Għalhekk huwa ngħata police bail.

Fil-Qorti ħareġ li l-ġuvni kien Paceville fil-lejl tas-6 ta’ Lulju u kien sejjer għand in-nanna tiegħu. Kien qed juża l-vettura tiegħu li ttella’ ftit veloċità, iżda kien fis-sakra u qabad il-bankina huwa u jsuq bil-konsegwenza li tajjar 8 persuni fosthom wieħed miet, kif ukoll għamel ħsara lil ħafna affarijiet.

Il-ġuvni ddispjaċih ta li għamel, tant li fl-awla kien emozzjonali ħafna, bid-difiża targumenta li l-ġuvni mhux persuna tal-ħabs, għandu d-dyslexia, u talbet lill-Qorti biex jekk jista’ jkun ma jmurx il-ħabs għax għalih ikun aħjar.

L-avukat difensur qal li m’hemmx dubju li l-każ huwa traġiku ħafna għal kulħadd u li kien inċident sfortunat. Dr Gigliio qal li huwa żball fatali li se jibqa’ jħallas għalih ħajtu kollha.

Dwar il-ħelsien mill-arrest, l-avukat Giglio qal li l-Qorti għandha tqis jekk hemmx raġuni valida li ma jingħatax ħelsien mill-arrest.  Argumenta li l-imputat jgħix Malta u jaħdem Malta u m’hemmx biża’ ta’ intralċ tal-provi għax ix-xhieda nstemgħu kollha mill-espert tal-Qorti.  Żied jgħid ukoll li l-ġuvni għandu fedina penali nadifa.

L-avukat difensur qal li meta l-pulizija nfurmawh li wieħed mill-vittmi miet, fl-istqarrija l-ġuvni qal li għandu qalbu maqsuma u ma jistax jaħfer lilu nnifsu li qatel liż-żagħżugħ.  Qal li mar għand psikologu u li l-ispettur stess qal li l-ġuvni mhux tal-ħabs.

Min-naħa tiegħu l-Maġistrat Joe Mifsud qal li fl-4am ż-żgħażagħ mhux posthom barra għax meta ddum dak il-ħin kollu tikkonsma aktar alkoħol imbagħad ikollna sitwazzjonijiet fejn il-moħħ ma jħallikx taħdem kif suppost.  Qal li l-veloċità toqtol u rrefera għal-limitu tal-veloċità f’Malta li hija ta’ 80km fis-siegħa.

Sostna li min ikun miexi fit-triq għandu d-dritt jasal id-dar qawwi u sħiħ u li r-rimors wara huwa kollu għalxejn. Dawn l-affarijiet mhux permessi, il-Maġistrat qal li fil-pajjiż għandna wisq laxkezza u kulħadd irid jerfa’ r-responsabilità.  Enfasizza li jekk mhux se ndaħħlu dixxiplina ta’ veru, se jibqa’ jkollna l-imwiet fit-toroq.

Il-Maġistrat Mifsud qal li jrid joħloq bilanċ – se jżommu ġewwa imma mhux il-ħabs – se jżommu arrestat f’daru u ma jistax joħroġ ħlief biex tmur għal appuntament mediku u biex tiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa Birkirkara bejn 8am – 8pm.

Il-Qorti ordna li ma jistax jibdel l-indirizz, kif ukoll li għandu jħallas depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000.   Sakemm tittieħed deċiżjoni oħra, il-ġuvni mhu se jitħallas jsuq.

Ara wkoll:

ARA: 2 tfajliet jirrakkontaw l-ewwel għajnuna li taw liż-żagħżugħ Olandiż

AĠĠORNAT: Imut Tim Scholten, l-Olandiż li ttajjar f’San Ġiljan

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Teknika partikolari u pjuttost unika waslet biex l-artist Corrado Iozia joħloq diversi kwadri li mhux biss ipaxxu l-għajn iżda anke li jibagħtu messaġġ soċjali. Il-wirja tinsab fir-Razzett tal-Markiż fil-Mosta. Corrado…

Kronaka

Raġel ta’ 58 sena sofra ġrieħi gravi wara li tard ilbieraħ kien involut f’argument fix-Xagħra, Għawdex. Il-Pulizija kienet infurmata bil-każ fi Triq it-28 t’April 1688 għall-ħabta tal-10.50pm. Il-Pulizija qalet li…

Immigrazzjoni

Il-bastiment Aquarius, li kien qed jopera fl-ibħra ċentrali tal-Mediterran biex jittrasporta u jeħles immmigranti li kienu qed jippruvaw jaqsmu illegalemnt mil-Libja lejn l-Italja, kellu r-reġistrazzjoni tiegħu revokata. Il-vapur, li huwa…

Ġurnali

Nagħtu ħarsa lejn il-faċċati tal-ġurnali llum it-Tnejn 24 ta’ Settembru 2018: L-Orizzont Aktar kumpaniji barranin lesti li jinvestu f’Malta: Hekk jisħaq il-prim ministru meta kien qed jitkellem dwar Brexit. Storja…

Aktar