Barranin
Se jiġi dikjarat stat ta’ emerġenza f’Texas

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden mistenni jiddikjara stat ta’ diżastru maġġuri f’Texas, bil-għan li jwitti t-triq biex iktar fondi tal-Gvern ikunu jistgħu jiġu allokati għal dan l-Istat.

Fil-jiem li għaddew l-Istat ta’ Texas telaqlu l-elettriku waqt li t-temperaturi niżlu f’livelli ġodda. Is-sitwazzjoni mistennija taqleb għall-aħjar fil-ġranet li ġejjin, madanakollu madwar 13-il miljun persuna xorta waħda għadhom f’diffikultà għax m’għandhomx aċċess għall-ilma.

Sa’ issa kważi 60 persuna, inkluż tifel ta’ 11-il sena, tilfu ħajjithom kawża ta’ temperaturi baxxi madwar l-Istati Uniti.

Biden laqa’ t-talba ta’ Texas biex it-talba tagħhom li jiġi dikjarat stat ta’ emerġenza maġġuri tidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun. Flimkien ma’ dan ħamel kuntatt ma’ uħud mill-ikbar ibliet f’Texas, bħal Houston, Dallas, u Austin, sabiex jiġi assigurat li dawn għandhom aċċess għar-riżorsi tal-Gvern.