Politika
AĠĠORNAT: Se jiġu rtirati l-ittri ta’ sensja li rċievew il-ħaddiema tal-ELC

Irtirati ittri ta’ sensji li lbieraħ intbagħtu lil ħaddiema tal-konsorzju ELC li jieħdu ħsieb it-tisbiħ u l-ġardinaġġ madwar il-pajjiż. Il-Ministeru tal-Ambjent u l-konsorzju fi stqarrija flimkien qalu li llum komplew it-taħditiet bejniethom biex jiġu mħarsa l-impjiegi tal-ħaddiema. It-taħditiet kienu jkopru wkoll perjodu tranżitorju meta jiskadi l-kuntratt fl-aħħar tas-sena.

Il-Ministeru għall-Ambjent u l-konsorzju ELC qalu li l-ittri ta’ sensji lill-ħaddiema tal-konsorzju ġew irtirati. Dan l-iżvilupp seħħ wara taħditiet bejn iż-żewġ naħat bil-għan li meta fl-aħħar ta’ din is-sena jiskadi l-kuntratt ikun hemm perjodu tranżitorju fejn jinżamm livell tajjeb ta’ tisbiħ u landscaping fil-pajjiż.

Mistoqsi kemm kienu nħarġu ittri ta’ sensja, kelliem għall-Ministru għall-Ambjent qal lil TVM li b’kollox kienu ħarġu 45 ittra, sitta minnhom għal membri tal-management tal-konsorzju.

Il-Ministeru spjega li nbeda proċess biex tinħareġ sejħa pubblika għall-kuntratt ta’ tisbiħ u manutenzjoni ta’ żoni pubbliċi. Intqal li anke f’każ li dan il-kuntratt jintrebaħ minn xi ħaddieħor, il-ħaddiema li bħalissa jaħdmu mal-ELC jiġu awtomatikament ħaddiema tal-kumpanija li tirbaħ il-kuntratt. Il-Ministeru qal li l-Gvern irid jassigura li x-xogħol tal-ħaddiema u s-servizz li jingħata jirrispetta l-aspetti ta’ trasparenza, effiċenzja u governanza tajba.

Fi stqarrija konġunta llejla, intqal li llum komplew taħditiet biex jiġu mħarsa l-impjiegi tal-ħaddiema. Ingħad li f’dan l-istadju, iż-żewġ naħat laqgħu b’mod pożittiv l-iżviluppi tal-aħħar sigħat.

Il-Ministeru qal li s-sejħa pubblika għal kuntratt ġdid se tirrifletti r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Awditur Ġenerali fl-2017 li fost oħrajn kien qajjem il-punt li l-kuntratt mal-ELC li beda fl-2002, baqa’ jiġi mġedded mingħajr ebda sejħa pubblika.

TVM pprova jikkuntattja lit-tmexxija tal-Environment Landscape Consortium iżda dawn qalu li ma jridux jikkumentaw bħalissa.