Lokali
Se jiġu studjati l-kranji umani li nstabu fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni

Heritage Malta, flimkien mas-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali Malti u l-Università ta’ Macquarie, f’Sydney l-Awstralja, qed iħabbru l-bidu ta’ proġett internazzjonali u interdixxiplinarju li jinvolvi l-istudju tal-kranji umani li nstabu ġewwa l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni; sit meqjus bħala Wirt Kulturali Dinji tal-UNESCO. Il-fondi għal dan il-proġett ngħataw mill-Union Académique Internationale.

Fl-1926, f’deskrizzjoni qasira dwar il-kranji umani li nstabu f’Ħal Saflieni, Temi Zammit kiteb illi dawn kienu pjuttost twal (dolichocephalic). Dan wassal għall-ħolqien ta’ bosta teoriji li għadhom għaddejjin sa llum. Uħud qalu li Zammit kien qed jirreferi għal kultura ta’ nies li kellhom it-tradizzjoni li jibdlu u jtawlu l-kranji umani, bħal dawk tal-kultura Peruvjana. Oħrajn saħqu li l-awtoritajiet qegħdin jaħbu dawn il-kranji biex ma jurux l-oriġini tal-antenati ta’ Malta. Xi estremisti saħansitra insistew li dawn il-kranji huma tal-aljeni.

Bla dubju, l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni huwa post ta’ sinifikat globali li jista’ jservi biex wieħed jifhem l-evoluzzjoni tal-intellett, il-kreattività, it-teknoloġija u l-kultura fi żmien importanti meta gruppi umani li għexu madwar ir-reġjun kienu qed jagħmlu t-tranżizzjoni kritika biex joħolqu strateġiji ġodda għall-għajxien tagħhom permezz tal-agrikoltura. Minkejja t-tifħir li jirċievi Ħal Saflieni għall-inovazzjoni fit-teknoloġija, l-arti u l-arkitettura, komponent enormi tal-istorja ta’ dan is-sit għadha maħnuqa fis-silenzju, il-misteru u l-mitoloġija.

Il-proġett intitolat ‘The Sentinels of Ħal Saflieni, Malta: Science Facts versus Science Fiction’ finalment se jkun qiegħed jagħti l-attenzjoni xierqa lil dawn il-kranji umani u se jaqta’ darba għal dejjem il-kundizzjoni u l-oriġini tagħhom. Dan il-proġett se jinvolvi l-użu ta’ arkeoloġija tradizzjonali, riċerka storika u analiżi xjentifika mill-iprem biex jiġu investigati l-aspetti kollha tal-ħajja tan-nies ta’ Ħal Saflieni, fosthom is-saħħa, il-mard, l-istil tal-ħajja, id-dieta u l-profili tal-antenati tagħhom.

Il-fondi ta’ €6,000 li ngħataw mill-Union Académique Internationale huma parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qed tagħmel din l-Unjoni f’għeluq iċ-ċentinarju tagħha dis-sena. Dawn il-fondi ngħataw lill-Associate Professor Ronika Power ta’ l-Università ta’ Macquarie f’Sydney li kkwalifikat bħala ‘Early Career Researcher’ fl-istudji Umanistiċi u x-Xjenzi Soċjali.

Power se tkun qed taħdem mill-qrib ma’ kollaboraturi oħra, fosthom il-kuraturi tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija u d-Dipartiment tas-Siti Preistoriċi ta’ Heritage Malta, l-osteologa tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali Malti u kollegi oħra minn diversi istituzzjonijiet internazzjonali.

Il-proġett se jwettaq l-ewwel analiżi interdixxiplinari li qatt saret fuq il-fdalijiet tal-umani li rnexxielhom isalvaw (inqas minn 20 mill-prospettiv ta’ 7,000 persuna) li ġew skavati fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni; kumpless tad-dfin taż-Żmien Neolitiku (c. 4,000–2,500 QK) b’diversi livelli taħt l-art ġewwa Raħal Ġdid.

Aħbarijiet Oħra
Gazzetti

Din hija ħarsa ħafifa lejn il-gazzetti ppubblikati llum il-Ħadd 18 ta’ Awwissu 2019: Fl-ewwel paġna ta’ Times of Malta insibu ritratt tas-sit fejn hu propost li jinbena kumpless ta’ garaxxijiet…

Knisja Maltija

Tfaqqa kontroversja taħraq dwar il-kwadri fil-Knisja ta’ Ħal Kirkop. Dan wara li fil-festa ta’ San Ġużepp, ix-xahar li għadda l-Kappillan ħabbar li l-Kurja approvat li l-pittura tal-Madonna tad-Duluri li hemm…

Sport

Minn footballer professjonali għal DJ idur mad-dinja b’tours relatati mal-mużika. Dan mhu ħadd ħlief l-ex plejer internazzjonali Taljan, l-attakkant Christian Vieri. Huwa kien Malta għal ftit ħin fejn kien fost…

Kurżitajiet

F’Hollywood tħabbret il-mewt tal-attur u producer Peter Fonda fl-età ta’ 79 sena. Huwa miet wara battalja mal-kanċer. Fonda jibqa’ l-iktar magħruf għall-film li ħadem fih, kiteb u produċa fl-1969 –…

Aktar