Infrastruttura
Fi stadju avvanzat: L-ippjanar tal-akbar proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali bi flus mill-IIP

L-Awtorità tad-Djar għandha f’idejha r-riżultati preliminari ta’ stħarriġ dettaljat fost l-applikanti għal akkomodazzjoni soċjali. L-istħarriġ wera fost oħrajn li terz tal-applikanti huma ġuvintur jew xebbiet li m’għandhomx tfal dipendenti u għalhekk il-ħtieġa tagħhom hi ta’ appartament b’kamra tas-sodda waħda. Dan l-istħarriġ hu kruċjali fl-ippjanar u t-tqassim ta’ aktar minn elf appartament li ser ikollha f’idejha l-Awtorità tad-Djar fiż-żmien li ġej.

Nofs dawn l-appartamenti se jinbnew f’aktar minn għoxrin lokalità bi flus mill-programm taċ-ċittadinanza b’investiment, fl-akbar proġett soċjali li tħabbar s’issa b’fondi li l-gvern daħħal minn dan il-programm.

L-Awtorità tad-Djar qed taħdem fuq proġett li se jwassal biex fi ftit tas-snin jinbnew aktar minn elf appartament għal persuni li jeħtieġu akkomodazzjoni soċjali. Il-proġett hu maqsum fi tnejn. Fl-ewwel fażi, fejn diġà beda x-xogħol tal-kostruzzjoni, hemm allokati €50 miljun mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank tal-Iżvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa. Fit-tieni fażi li għadha fi stadju ta’ ippjanar, €50 miljun oħra se jiġu provduti mill-flus li l-Gvern daħħal mill-programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment.

Il-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali li jirċievi 70% tal-ħlas li jsir minn dawk li jiksbu ċittadinanza b’dan il-programm mhux se jipprovdi biss il-flus għall-bini tal-appartamenti iżda qed jaħdem id f’id mal-Awtorità tad-Djar fl-ippjanar u d-disinn tagħhom. Il-Kap Eżekuttiv tal-fond, Raymond Ellul, spjega li huma interessati jipprovdu post diċenti ta’ għixien iżda jridu li jintlaħqu miri oħra soċjali u ambjentali.

Kelliem tal-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali, Raymond Andrew Ellul qal “kemm jista’ jkun aħna nerġgħu nużaw l-ilma li jintuża fil-ħasil, nerġgħu nirriċiklawh. Anke l-materjal li jintuża fil-bini, li jikkonserva l-enerġija, biex naħlu anqas dawl. Allura min qed joqgħod f’dawn il-postijiet qed jiffranka mill-kont tal-ilma u tad-dawl u allura dawk il-flus jista’ jużahom biex jitlà tarġa oħra fis-social ladder u jonfoqhom f’affarijiet aktar importanti bħas-saħħa u l-edukazzjoni.”

Min-naħa tagħha, l-Awtorità tad-Djar qed tagħti ħafna piż li l-appartamenti jinbnew skont il-bżonnijiet tal-persuni li qed iħabbtu l-bibien tagħha. Il-kap eżekuttiv, Leonid Mc Kay, spjega li għal dan il-għan għaddej eżerċizzju fost it-3,000 persuna fil-waiting list tal-awtorità u għandu f’idejh ir-riżultati preliminari.

“Għandek terz ta’ dawk li qegħdin iħabbtu l-bibien tal-awtorità għal social housing li huma individwi single li m’għandhomx tfal dipendenti fuqhom. Allura hemmhekk il-pjan ta’ dan is-social housing irid ikun ibbażat fuq dawn il-bżonnijiet. Għandna mbagħad aktar minn 68% ta’ dawk li qegħdin fuq il-waiting list illum li għandhom tfal dipendenti fuqhom. Ħafna minnhom, tfal li huma żgħar fl-età” qal is-Sur Mc Kay.

Il-kap eżekuttiv tal-awtorità qal li għadu kemm intemm il-proċess biex ġew identifikati l-lokalitajiet u l-artijiet fejn se jinbnew l-appartamenti li se jitħallsu mill-fondi tal-programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment. Is-Sur McKay qal li s-siti se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin iżda wera sodisfazzjon li se jkunu mifruxa fi bnadi differenti ta’ Malta.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Għall-ħabta tas-7.00pm fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista bdiet laqgħa tal-grupp parlamentari Nazzjonalista msejħa mill-kap tal-partit Adrian Delia. Dan wara li l-Ħadd li għadda l-gazzetta The Sunday Times irrappurtat messaġġi bejnu u…

Kronaka

Il-Pulizija qed titlob l-għajnuna tal-pubbliku wara li tfajla ta’ 15-il ġiet rappurtata nieqsa. Il-Pulizija qalet li Luana Borg dehret l-aħħar il-Ġimgħa li għadda għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija. L-aħħar li dehret…

Politika

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-ftehim fuq l-isptarijiet ma’ Vitals ippubblikat illum jindika tħassib serju. F’dikjarazzjoni fuq il-midja soċjali, id-Deputat Prim…

Politika

F’reazzjoni fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsa lill-Gvern jekk hux se jagħti spjega dwar il-kundanna li saret fir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt tal-Vitals. Dr Delia qal li r-rapport hu ċertifiikat…

Aktar