Politika
Se jinħatru tmien maġistrati u mħallfin b’metodu ġdid – Il-PM

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar li din il-ġimgħa se jinħatru erba’ maġistrati u erba’ mħallfin ġodda b’metodu ġdid, hekk kif flok intgħażlu mill-Prim Ministru, is-setgħa għaddiet għand il-President tar-Repubblika.

Meta kien qed jinidirizza attività politika, il-Mexxej Laburista appella lill-Kap tal-Oppozizzjoni biex f’dan il-mument delikat tal-pandemija, il-Gvern, l-Oppożizzjoni u s-soċjetà civili jingħaqdu flimkien biex il-pajjiż joħroġ b’suċċess minn dan il-perjodu diffiċli tal-pandemija.

Dr Abela qal li matul din il-pandemija, il-Gvern flok mexa b’politika t’awsterità, baqa’ jinvesti fin-nies, u mqabbel ma’ pajjiżi oħra qiegħed f’pożizzjoni b’saħħitha. F’attività politika fil-Ħamrun, Dr Abela ħabbar li l-Gvern Laburista se jagħti 50 jum leave lura lill-ħaddiema li qal kienu nsterqu minn Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi, meta l-festi pubbliċi kienu jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa.

Il-Mexxej Laburista qal li matul il-pandemija, bosta gvernijiet madwar id-dinja raw lil pajjiż jikkrolla, iżda sostna kif f’Malta l-pajjiż baqa’ b’saħħtu u reżiljenti. Spjega kif Malta għandha l-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Irrefera wkoll għall-iskemi ġodda għall-ħolqien tax-xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex stess.

Dwar għajnuna lill-anzjani, il-Prim Ministru qal li b’investiment ta’ €15-il miljun, aktar minn 45,000 anzjan bdew jirċievu pagamenti addizzjonali għall-pensjoni u bonus talli ma kinux ħallsu bolol biżżejjed biex jieħdu l-pensjoni. Qal kif f’Diċembru pajjiżna rreġistra sitt darbiet iktar bejgħ mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, kollu frott tal-pjan ta’ viżjoni ekonomika.

Il-Prim Ministru ħabbar li b’investiment ta’ €2 miljun se jkun qed jaħtar erba’ Maġistrati u erba’ Imħallfin ġodda, u spjega kif għall-ewwel darba flok se jkun hu bħala Prim Ministru li jaħtar lil dawn il-membri tal-ġudikatura, din is-setgħa issa tneħħiet wara l-proposti tal-Kummissjoni Venezja, u s-setgħa għaddiet għand il-President tar-Repubblika.

Dr Abela qal li s’issa l-Kap tal-Oppożizzjoni ħlief tmaqdir u kritika distruttiva ma qalx, fejn lanqas kien jaf ir-rata tad-dożi tal-vaċċin li tlaqqmu bihom in-nies. Qal li ma jistax jifhem kif f’dan il-mument tant delikat, il-Kap Nazzjonalista qed idawwar id-diskussjoni f’waħda partiġġjana u għalhekk appella lill-Oppożizzjoni biex flimkien mas-soċjetà ċivili, jinġibed ħabel wieħed f’ġieħ l-għaqda nazzjonali, biex il-pajjiż joħroġ minn din il-pandemija b’suċċess.

Il-Prim Mnistru qal li jinsab ħerqan għat-tilqima li se tasal illum mill-Astrazeneca u appella biex wieħed jibqa’ jsegwi l-miżuri speċjalment fi żmien il-Karnival, biex noħorġu minn din is-sitwazzjoni mill-iktar fis possibbli u nibdew ingawdu żmien isbaħ. Qal li dan il-Gvern bil-politika tiegħu ta’ tim Malta mfassla min-nies għan-nies, il-Gvern se jibqa’ jaħdem b’missjoni biex dan il-pajjiż joħroġ iktar b’saħħtu wara l-pandemija.