Lokali
Se jinħoloq spazju ta’ rikreazzjoni f’żona mitluqa f’San Ġwann

Żona mitluqa f’San Ġwann se tiġi rranġata fi spazju ta’ rikreazzjoni għan-nies. Dan hu l-ewwel proġett ta’ kollaborazzjoni bejn id-direttorat Parks Malta u Kunsill Lokali għat-tisbiħ ta’ spazji miftuħa fil-komunitajiet.

Id-Direttorat Parks Malta qed jaħdem biex isebbaħ spazji miftuħa għar-rikreazzjoni tal-poplu. Qed jagħmel dan b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali.

F’San Ġwann, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli ħabbret kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet fit-trasformazzjoni u l-manutenzjoni ta’ żona fi Triq ir-Rand, li bħalissa tinsab fi stat ta’ telqa.

“Nemmnu li nistgħu nagħtu spazju miftuħ fir-residenzi u fil-lokalitajiet tagħna. Permezz ta’ dan l-ewwel proġett f’San Ġwann qed naraw li niġġeneraw l-area li sfortunament sal-ġurnata tal-lum kienet spiċċat dumping site, minflok irridu ntuha lura lill-din il-lokalita’ biex tkun spazju miftuħ fejn ir-residenti u l-familji jistgħu jikkrejaw rwieħhom.”

Dan l-ispazju se jkun fih bankijiet, siġar, vaska u varjetà ta’ ħwawar aromatiċi. Il-pjanti magħżula huma ideali għall-klima lokali peress li jikbru u jinżammu fit-temperaturi li mdorrijin bihom.

Għall-Ministru Dalli, il-proġett ta’ San Ġwann huwa eżempju wieħed tal-kunċett li se jitħaddem minn Parks Malta biex jiżdiedu spazji żgħar u medji li jipprovdu nifs lill-lokalità u ambjent ta’ mistrieħ għan-nies.

Is-Sindku ta’ San Ġwann, Trevor Fenech, qal li dan hu eżempju ieħor tal-kollaborazzjoni li teżisti bejn Parks Malta u l-Kunsill Lokali fejn diġà tħawwlu mal-5,000 siġra u arbuxell madwar San Ġwann.