Infrastruttura
Se jirritornaw is-siġar fi Vjal il-Ħelsien f’Ħaż-Żebbuġ

Triq dritta u twila f’Ħaż-Żebbuġ li ftit tas-snin ilu tneżżgħet mis-siġar minħabba ħsara li kienu qed jikkawżaw fid-djar se terġa’ tissebbaħ b’siġar, arbuxelli u pjanti fi proġett li jaħseb biex kemm fl-għażla tas-siġar u l-mod kif jitħawlu ma terġax issirx ħsara. Il-proġett li se jsir mill-Gvern Ċentrali hu maħsub li jagħti nifs ġdid lil din iż-żona urbana u titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u n-nies li jiffrekwentaw iż-żona.

Vjal il-Ħelsien f’Ħaż-Żebbuġ – it-triq ewlenija li mill-Bieb ta’ De Rohan tagħti għall-qalbha tal-lokalità – se tissebbaħ fi proġett li se jagħti dehra aktar ambjentali lil żona urbana fejn jgħixu bosta familji u mnejn jgħaddu ħafna fi triqithom minn u lejn il-pjazza ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia, ħabbar li b’investiment ta’ mitejn elf ewro se jitħawwlu 160 siġra u arbuxella flimkien ma’ għadd ta’ qsari li se jsebbħu u jagħtu nifs ġdid fl-urban. Semma kif disa’ snin ilu, siġar tal-ficus li kien hawn f’din it-triq kellhom jitneħħew minħabba li l-għeruq tagħhom ikkawżaw ħsarat estensivi fi propjetajiet. Mas-siġar tal-ballut, arbuxelli tar-riħan u qsari, se titqiegħed għamara ġdida tat-triq biex tkompli ssebbaħ dan il-vjal.

“Se jkun hawn green infrastructure u green furniture ukoll u diversi qsari u permezz tiegħu se nħaddru dan il-vjal u se nkun hawn iżjed spazji ħodor għall-Maltin u Għawdxin f’dawn iż-żoni urbani dan huwa post fejn ħafna familji Maltin jaħdmu u jgħixu u allura se nkomplu għaddejin bl-ufban greening li pajjiżna beda ftit tax-xhur ilu.”

Is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ, Malcolm Paul Galea, wera apprezzament għax-xogħol li se twettaq Ambjent Malta biex tħaddar din it-triq waqt li tonqos ukoll it-temperatura tal-madwar.