COVID-19
Se jitħabbru protokolli għall-bars u l-każini għal meta jerġgħu jiftħu

Fil-konferenza tal-aħbarijiet ta’ kull Ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li għall-ewwel darba wara ħafna xhur, din il-ġimgħa ma kinux rappurtati każi ġodda ta’ COVID-19 minn djar tal-anzjani.

Spjegat li mill-252 każ attiv li għandna; 5 huma mill-varjant tal-Afrika t’Isfel u 22 mill-varjant Brażiljan li ftit aktar min-nofshom huma mill-istess grupp u għalhekk qed jinżammu magħluqin f’kumpless residenzjali/ Ikkonfermat li f’Malta m’hawn ħadd bil-varjant Indjan.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li mill-252 każ attiv li għandna; 5 huma mill-varjant tal-Afrika t’Isfel u 22 mill-varjant Brażiljan li ftit aktar min-nofshom huma mill-istess grupp u għalhekk qed jinżammu magħluqin f’kumpless residenzjali. Ikkonfermat li f’Malta m’hawn ħadd bil-varjant Indjan.

Dwar il-herd immunity, il-Professur Gauci qalet li l-awtoritajiet jikkalkulaw din fuq l-ammont ta’ nies li jkunu ħadu almenu doża waħda tat-tilqima. F’dan l-isfond tat aġġornament ta’ kemm persuni s’issa ħadu mill-anqas doża waħda.

“95% ta’ dawk ta’ ‘l fuq minn 60 sena ħadu mil-inqas doża waħda tat-tilqima, 72% ta’ dawk bejn il-50 u d-59 ħadu mill-inqas doża waħda, 59% ta’ dawn bejn l-40 u d-49 sena wkoll ħadu mill-inqas doża waħda, u 51% tal-persuni bejn it-30 u d-39 sena ħadu doża waħda jew applikaw għat-tilqima.”

Dwar kemm toffri immunità t-tilqima, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li s’issa kollox jindika li din toffri immunità għal mill-inqas 6 xhur, u jista’ jkun iktar minn hekk. Qalet li l-isports fejn hemm kuntatt fost it-tfal hu wieħed mill-aħħar li se jinfetaħ minħabba li trid tkun protetta l-edukazzjoni, speċjalment minħabba l-fatt li l-istudenti issa jibdew joqorbu lejn l-eżamijiet.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, qalet li se jitħabbru protokolli għall-bars u l-każini bil-għan li meta fis-7 ta’ Ġunju jiftħu jimxu fuq kunċett tar-ristoranti.

“Bħalma għamilna b’kwalunkwe ħaġa li aħna ftaħna dawn se jkunu bil-protokolli. Fil-każini diġà infurmajna li se jaħdmu b’tipo restaurant concept li jkunu bilqiegħda u ma jkunx permess li jkunu bilwieqfa.”

Mistoqsija minn Television Malta dwar il-fatt li mill-ewwel ta’ Ġunju min jiġi minn barra jista’ juri ċertifikat li ħa t-tilqima minflok ma juri r-riżulta ta’ swab test li jkun sar fis-sigħat ta’ qabel, il-Professur Gauci qalet li ġimagħtejn wara li persuna tkun imlaqqma b’żewġ dożi jkollha l-aħjar protezzjoni possibbli. Żiedet tgħid li jekk dawn ikunu pożittivi, kollox jindika li ma jxerrdux il-virus.

Il-Professur Gauci qalet li sallum ir-rakkommandazzjoni hi li anke persuna li tkun tlaqqmet biż-żewġ dożi trid tagħmel kwarantina ta’ ġimagħtejn jekk tkun ġiet f’kuntatt ma’ xi ħadd bil-Covid 19. Spjegat li jekk ix-xjenza tippermetti li titnaqqas il-kwarantina, dan jibda jseħħ ukoll.