Ambjent
Se jitħaddru ħdax-il post ta’ rikreazzjoni fil-qalba tal-irħula

Ħdax-il post għar-rikreazzjoni tal-familji f’żoni urbani se jitħaddru permezz ta’ €300,000 li se jingħataw lil għadd ta’ kunsilli lokali.

L-investiment tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, li matulha Sindki u Kunsilliera ffirmaw ftehim mal-Ministeru biex jużaw fawn il-fondi fil-lokalitajiet tagħhom.

Il-lokalitajiet li se jibbenefikaw minn din l-iskema huma l-Belt Valletta, il-Birgu, Birżebbuġa, Għajnsielem, il-Ħamrun, il-Munxar, San Ġiljan, San Lawrenz, Santa Luċija, u Tas-Sliema.

Il-Ministru Farrugia qal li l-Gvern mhux biss se jibqa’ jħaddar żoni rurali, iżda se joħloq ukoll żoni ħodor ta’ rikreazzjoni fil-qalba tal-lokalitajiet.

Il-Ministru Farrugia saħaq illi l-entitajiet kollha tal-Gvern, b’mod partikolari l-entitajiet f’dan il-Ministeru – minn Ambjent Malta sal-Awtorità tal-Ippjanar, jeħtieġ li jħaddmu iktar il-kunċett ta’ tħaddir f’kull proġett u f’kull permess sa fejn possibbli. Qal li l-awtoritajiet iridu jaraw li l-proġetti li jiffinanzjaw ikunu tabilħaqq proġetti ħodor.

Uħud mill-proġetti se jkunu qegħdin jiġu ffinanzjanti mill-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp.