COVID-19
Se jitnaqqsu l-miżuri ta’ restoranti u bars f’Malta li jaċċettaw biss nies imlaqqma

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar li għadd ta’ restoranti u bars f’Malta qed jesprimu x-xewqa li jaċċettaw biss klijenti li huma mlaqqma għall-Covid.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Dr Fearne għamilha ċara li d-Dipartiment tas-Saħħa mhux qed jimponi din il-proċedura fuq l-istabbilimenti, iżda se jkun qed inaqqas il-miżuri restrittivi lil dawk in-negozji li b’mod volontarju jieħdu din id-deċiżjoni.

Qal li fil-jiem li ġejjin is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika se tkun qed tiltaqa’ mar-rappreżentanti ta’ dawk l-istabbilimenti li se jibdew jaċċettaw biss persuni li għandhom iċ-ċertifikat tat-tilqima, biex ikun determinat xi protokolli se jittieħdu.

Dr Fearne qal li fost miżuri li jistgħu jinbidlu għal dawn l-istabbilimenti hemm inqas distanza bejn l-imwejjed u estensjoni tal-ħinijiet tal-ftuħ.

Fl-istess konferenza d-Deputat Prim Ministru ħabbar li mill-Ġimgħa li ġej dawk kollha li ġejjin minn pajjiżi ħomor skuri, u li huma mlaqqmin, għandhom ċertifikat u huma residenti f’Malta, jistgħu jagħmlu kwarantina f’darhom u mhux iktar f’lukanda.

Ara wkoll:

Mill-Ġimgħa kwarantina fid-dar minflok f’lukanda għal residenti ta’ Malta mlaqqmin