Lokali
Se jitressaq abbozz ta’ liġi li jżid il-pieni għal min iħebb għall-Pulizija

Il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Michael Farrugia, qal li l-Gvern se jressaq abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu se jiżdiedu l-pieni fil-konfront ta’ persuni li jinstabu ħatja li jwettqu attakki fiżiċi fuq membri tal-Korp tal-Pulizija.

Il-Ministru Farrugia qal dan meta ippresjieda ċerimonja li matulha 41 eks membru tal-korp tal-pulizija, fosthom tmien nisa, reġgħu daħlu fil-Korp bħala kuntistabbli ta’ rizerva. Dan il-grad daħal għall-ewwel darba fl-1924 u reġa’ kien attivat fi Frar tal-2014.

Il-Ministru Farrugia qal li waslu biex jintemmu taħditiet dwar ftehim settorali għall-pulizija li għandu jtejjeb mhux biss il-pagi u l-allowances iżda anki l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-pulizija. Qal li s-sena d-diehla se jsir xogħol infrastrutturali f’numru ta’ Għases u se jiżdied l-investiment kemm f’taħriġ lir-riżorsi umani kif ukoll l-investiment fl-apparat.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar fisser l-2017 bħala sena ta’ kisbiet għall-Korp tal-Pulizija hekk kif l-investigazzjonijiet wasslu biex jitkissru ċrieki ta’ kriminali u saru qabdiet rekord ta’ droga.