Qorti
AĠĠORNAT: Salvu Dalli jwieġeb mhux ħati li qatel lil ibnu b’tir ta’ senter

Salvu Dalli ta’ 68 sena li joqgħod Ħal Għaxaq, baqa’ miżmum arrestat wara li ġie mixli li spara u qatel lill-ibnu Antoine ta’ 37 sena. Il-każ seħħ il-Ġimgħa filgħodu f’Ħal Għaxaq stess, b’Salvu Dalli fil-Qorti jiċħad l-akkużi kontrih. Fi ‘crime conference’ qabel ma’ ttella l-Qorti l-pulizija spjegat li m’hemm ħadd iżjed li qed jiġi interrogat dwar dan id-delitt.

Akkumpanjat minn żewġ uliedu subien, Salvu Dalli ta’ 68 sena li joqgħod Ħal Għaxaq ċaħad l-akkużi li qatel lill-ibnu ieħor – Antoine b’tir t’arma tan-nar.

Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, Dalli ġie mixli wkoll li kiser sentenza sospiża ta’ sentejn li ħarġet il-Qorti fil-konfont tiegħu fi Frar ta’ din is-sena u li żamm arma tan-nar qrib postijiet abitabbli.

L-avukat difensur tal-akkużat qal li Dalli, sa xahar ilu kien għall-kura fl-isptar Monte Carmeli u għalkemm ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest, id-difiża talbet biex Dalli jingħata l-kura meħtieġa. Il-Qorti laqgħet it-talba, bl-akkużat se jibqa’ arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Salvu Dalli tressaq il-Qorti ftit wara li ntemmet ‘crime conference’ dwar id-delitt li fiha kelliem tal-Pulizija qal li mill-awtopsja li saret fuq il-kadavru ta’ Antoine Dalli ta’ 37 sena, irriżulta li miet b’kawża ta’ tir wieħed f’nofs żaqqu.

Brandon Pisani sostna li fil-11.10 a.m. tal-Ġimgħa, daħlet telefonata anonima fl-għassa taż-Żejtun u ftit minuti wara daħlet telfonata oħra fil-‘control room’ tal-pulizija b’informazzjoni li seħħet sparatura f’Ħal Għaxaq.

“L-ewwel ma waslu fuq il-post kienu 3 pulzija mid-dipartiment tar-reati maġġuri li kienu fil-viċinanzi fuq xogħol ieħor. Malli waslu ħabtu l-bieb, fetħilhom raġel, u irriżulta li huwa r-raġel ta’ 68 sena li indika lill-pulizija li t-tifel tiegħu jinsab fil-kamra tal-banju. Il-pulizija setgħu jinnutaw ukoll li fil-kuritur kien hemm għadira demm u taqtir tad-demm tul il-kuritur kollu sal-kamra tal-banju. Kif daħlu fil-kamra tal-banju sabu raġel mitluq aktarx bla ġajja, issejħet assistenza medika u t-tabib iċċertifika r-raġel mejjet fuq il-post,” qal il-kelliem għall-pulizija, Brandon Pisani.

L-arma nstabet fuq sodda u ġiet elevata mill-pulizija. Spjega li kollox jindika li l-mottiv tal-qtil kien kwistjoni familjari. Il-kelliem tal-pulizija qal li l-pulizija interrogat lil Salvu Dalli, missier il-vittma u li m’hemm ħadd iżjed li qed jiġi interrogat mill-pulizija.

Mistoqsi minn TVM jekk hux kemm Salvu u wkoll Antoine Dalli kinux magħrufa mal-pulizija, is-Sur Pisani qal li t-tnejn li huma kellhom każi passati fuq akkużi differenti, kienu mitkellma kemm-il darba mill-pulizija u dawn ħadu passi kontrihom fuq akkużi oħra.

Għall-konferenza tal-pulizija attendew is-Supretendent Ramon Cassar mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u s-Supretendent Josric Mifsud tad-Distrett.

Ara wkoll:

Missier joqtol lil ibnu wara argument bejniethom f’Ħal Għaxaq

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar