Qorti
AĠĠORNAT: Ir-raġel akkużat li prova jtajjar 2 Pulizija beda jgħajjat li ma jridx imur il-ħabs

Bl-istess ħwejjeġ kif ġie arrestat erba’ u għoxrin siegħa qabel u mmanettjat, Justin James Grima ta’ 24 sena minn Ħal Tarxien tressaq il-Qorti mixli li prova jtajjar żewġ pulizija, li hedddihom u pprova jikkaġunalhom ġrieħi gravi, li saq b’manjiera perikoluża u li għamel ħsara fuq mutur tas-servizz. Hu ġie mixli wkoll li wara li ġie arrestat, qajjem fratterija sħiħa fil-Kwartieri tal-Pulizija, fil-Floriana.

Il-Pulizija twaqqaf lill-akkużat minħabba li kellu l-ħġieġ kollu skur

Quddiem il-Maġistrat Simone Grech, l-Ispetturi Pierre Guido Saliba u Matthew Galea spjegaw kif is-Sibt waranofsinhar, waqt ronda li surġent tal-pulizija kien qed jagħmel fi Triq il-Kbira San Ġużepp, fil-Ħamrun, innota karozza bil-ħġieġ kollu skur. Spjegaw li s-Surġet talab lill-akkużat biex isegwih sal-garaxx tal-Pulizija, iżda f’daqqa waħda Grima għamel ‘u-turn’, niżżel tfajla li kienet passiġġier u saq. Is-Surġent irnexxielu jerġa’ jinterċettah ftit ‘il fuq, fl-istess triq, u ordnalu jitfi l-karozza.

“Kuġinuwi diġà tajjar wieħed minnkom, jien mhux se niddejjaq intajjar tnejn” – l-akkużat lill-Pulizija

L-Ispettur Saliba qal li meta Grima rrifjuta, is-Surġent talab għall-assistenza. Fuq il-post wasal kuntistabbli mit-taqsima tat-traffiku li waqqaf il-mutur quddiem il-karozza tal-akkużat. Kien hawn li s-surġent qal lill-kollega biex ma joqgħodx quddiem il-vettura. FIl-Qorti ġie spjegat li malli s-Surġent daħħal idejh fil-karozza biex jipprova jaqla ċ-ċavetta, l-akkużat ħataflu idu u qallu: “kuġinuwi diġà tajjar wieħed minnkom, jien mhux se niddejjaq intajjar tnejn”. F’dan il-mument, saq għal fuqhom u laqat il-mutur.

L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia talbu għall-ħelsien mill-arrest taż-żagħżugħ. Huma argumentaw li dan kien każ sempliċi fuq ħġieġ skur, bl-akkużat ippanikkja u s-sitwazzjoni eskalat fi ftit minuti. Qal li wieħed ma jistax iqabbel dan il-każ ma’ ieħor, għax ma weġġa’ ebda pulizija iżda saret ħsara f’mutur.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-gravità tal-każ u spjegat li Justin James Grima diġà għandu akkużi simili mal-Pulizija u hu riċediv. Saħqu li hemm bżonn li jasal il-messaġġ li wieħed għandu jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li jittieħed il-Faċilità Korrettiva.

“Ma rridx immur il-ħabs, aħjar immut” – l-akkużat

Malli Grima ħareġ mill-awla l-akkużat qala’ kommossjoni fil-kuritur ta’ quddiem l-awla u beda jgħajjat li ma jridx imur il-ħabs u aħjar imut. Kien hawn li ħabbat rasu mal-ħajt, bi qraba tal-akkużat heddew lill-Pulizija. Il-Pulizija żammew l-ordni, ikkalmaw lill-akkużat u ħarġuh mill-Qorti. F’dan l-isfond, il-Maġistrat Simone Grech talbet biex tiġi eskortata mill-Pulizija barra mill-Qorti.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Saq lejn il-Pulizija u qaliblu l-mutur

Aħbarijiet Oħra
Storja

Magna ta’ ajruplan tal-gwerra, li possibilment iġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinija, kienet irkurprata minn qiegħ il-baħar fil-bokka tal-Port il-Kbir wara ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta u l-Forzi Armati….

Teknoloġija

Wara l-ajruplani, issa anke l-vetturi bdew jiġu jiġu mgħammra b’kaxxa sewda, li normalment tkun f’nofs il-vettura. Għalkemm s’issa din mhijiex obbligatorja, aktar manifatturi tal-karozzi qed jinkluduha. Fost aktar miżuri biex…

Infrastruttura

Waħda mill-kawżi ewlenin ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fit-triq u fil-baħar ġejja minn katusi tal-ilma tax-xita li qed jitqabbdu direttament mas-sistema tad-drenaġġ. Jirriżulta li ħafna ma jafux li dan hu l-każ…

NGOs

Seba’ għaqdiet mhux governattivi Maltin se jwettqu tmien proġetti fl-Afrika bl-għajnuna ta’ madwar nofs miljun ewro mill-programm tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-proġetti jvarjaw minn skola ġdida għall-bniet f’żona rurali…

Aktar