Lokali
Se jitressqu emendi għat-tiġdid tal-programm taċ-ċittadinanza b’investiment

Malta qalet li huwa ġustifikat li jkun hemm skrutinju internazzjonali fuq il-programmi taċ-ċittadinanza u r-residenza għaliex jista’ jiġu abbużati. Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli saħqet fuq dan meta tkellmet lill-operaturi msieħba fl-Investiment Migration Council. F’kummenti lil TVM, is-sinjura Farrugia Portelli qalet li sal-bidu tas-sena d-dieħla ser jitressqu emendi għat-tiġdid tal-programm taċ-ċittadinanza b’investiment. Sadanittant il-programm tar-residenza u l-viza li ma jagħtix ċittadinanza qed jipproċessa mal-elf applikazzjoni minn barranin li applikaw għar-residenza.

Jiem biss wara żewġ rapporti internazzjonali dwar kif mal-mitt pajjiż qed iħaddmu l-programmi ta’ ċittadinanza u ta’ residenza, is-Segretarju Parlamentari Julian Farrugia Portelli qalet li Malta għażlet l-kwalità flok il-kwantità fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal dawn iż-żewġ programmi f’din l-indsutrija ġdida.

F’konferenza tal-kunsill tal-migrazzjoni b’investiment, li hija l-assoċjazzjoni dinjija għall-operaturi li jaħdmu f’din l-industrija, is-Segretarju Parlamentari tenniet li l-programmi ta’ Malta qed jitmexxew f’governanza tajba u trasparenza u tenniet li l-OECD inkludiet lil Malta fuq informazzjoni żbaljat fil-lista tal-pajjizi li għandhom programmi li jistgħu jservu għall-evazzjoni tat-taxxa. Qalet li l-Gvern għamel rappreżentazzjonijiet dwar dan mal-OECD stess.

Fuq dan il-punt, il-Kap Eżekuttiv tal-Programm taċ-Ċittadinanza Jonathan Cardona insista li Malta għandha programm taċ-ċittadinanza rigoruż ħafna, b’regolatur indipendnenti li jirrevedi kull applikazzjoni, u anki l-operat ta’ dan il-programm.

Is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli qalet lil TVM li wara konsultazzjoni pubblika kmieni s-sena d-dieħla, il-Gvern ser jipproponi emendi fil-liġi dwar il-Programm taċ-Ċittadinanza wara li jkun għamel evalwazzjoni anke tar-rapport li mistennija toħroġ il-Kummissjoni Ewropea.

Julia Farrugia Portelli qalet “imbagħad niġbru dawk il-kummenti u rakkomandazzjonijiet u niġbruhom f’punt wieħed, wara l-ħsieb hu li mmorru fil-Parlament bil-pakkett għad-diskussjoni li jkun hemm bżonn”.

Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Programm tar-Residenza u l-Visa Roderick Cutajar qal li Malta għandha s-seba’ l-iktar programm ta’ residenza l-iktar b’saħħtu fid-dinja.

Roderick Cutajar qal “applikazzjonijiet deħlin il-ħin kollu, għandna ‘l fuq minn elf applikazzjoni minn madwar id-dinja, programm imfittex ħafna minn nies ta’ ċertu kalibru”.

Il-programm tar-residenza ġie varat sentejn ilu. Il-barranin li japplika għal residenza u visa f’Malta jrid fost orajn ikollhom dħul ta’ mhux inqas mitt elf ewro fis-sena, u li jkollhom kapital ta’ mhux inqas minn nofs miljun Ewro.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Kull sena madwar 150 persuna f’Malta jinstab li għandhom kanċer fil-pulmun, li wħud minnhom x’aktarx li qabel ikunu bdew jinnutaw sintomi tal-kundizzjoni, magħrufa bħala COPD, li hi assoċjata mat-tipjip, it-tniġġis…

Ekonomija u Finanzi

Il-baġits għall-2019 ta’ Malta u disa’ pajjiżi oħra Ewropej kisbu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li l-Italja qed tissogra li taffaċċja azzjoni dixxiplinarja li tista’ twassal għall-multi, minħabba li qed tibqa’…

Politika

F’konferenza tal-aħbarijiet illejla, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Prim Ministru mhux qed jgħid il-verità, għax minn banda jgħid li ma jafx kontra min hemm inkjesta, u mill-banda l-oħra…

Aktar