Qorti
AĠĠORNAT: 78 immigrant tressqu l-Qorti b’akkużi varji wara l-irvell fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far

78 immigrant tressqu l-Qorti b’akkużi varji wara l-irvell fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far fil-lejl bejn il-Ħadd u t-Tnejn. Minnhom, 16 wieġbu ħatja u ġew ikkundannati sitt ġimgħat ħabs, waqt li l-oħrajn wieġbu li mhumiex ħatja u baqgħu miżmuma taħt arresta sakemm ikomplu l-proċeduri kontrihom fil-Qorti.

Quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke f’seduti separati li damu għaddejjin sitt sigħat, tressqu 78 immigrant akkużati bl-irvell fiċ-ċentru ta’ Ħal Far fil-lejl bejn il-Ħadd u t-Tnejn. B’uħud minnhom ħafja fl-awla, 67 minn dawn l-immigranti, li kienu ġejjin mis-Sudan, Chad, Eritrea, Libja, Somalia u Gambia, ġew akkużati li m’obdewx l-ordnijiet tal-awtorita’ u li kissru l-ordni pubblika b’għajjat u ġlied.

16 minn dawn l-immigranti wieġbu ħatja tal-akkużi u ntbagħtu sitt ġimgħat ħabs. Il-51 l-oħra li kellhom l-istess akkużi wieġbu li mhumiex ħatja u l-Magistrat Doreen Clarke sostniet li minħabba li m’għandhomx indirizz fiss u lanqas rabta ma Malta, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u ġibdet l-attenzjoni tad-direttur tal-ħabs għall-fatt li uħud minnhom huma minorenni. Fil-każ ta’ dawn is-67 immigrant, għall-Prosekuzzjoni dehru l-ispetturi Roderick Attard, Eman Hayman u Oriana Spiteri.

Tmienja mill-immigranti li tressqu kellhom akkużi aktar serja. Dawn kienu akkużati fost affarijiet oħra li għamlu offiża fuq tliet pulizija, b’wieħed minnhom isofri ġrieħi ħfief, taw in-nar lil bini u vettura, li għamlu ħsara fuq ħwejjeġ ħaddieħor, waddbu ġebel jew oġġetti oħra iebsin fuq bjut u bibien, u li ħadu sehem f’rewwixta. Dawn l-immigranti kienu ġejjin minn Chad, is-Sudan, in-Niġerja u l-Afrika Ċentrali. B’wieħed minnhom kien anke liebes t-shirt ta’ Malta. Dawn it-tmien immigranti wieġbu mhux ħatja tal-akkużi. L-Ispettur Melvyn Camilleri qal li dawn l-immigranti m’ilhomx Malta. Il-Maġistrat Doreen Clarke ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li qalet li huma akkużati b’reati ta’ natura gravi u minħabba l-biża’ li jaħarbu mill-pajjiż.

Iktar kmieni tressqu tliet immigranti oħra, b’wieħed minnhom ħafi u ieħor jidher b’xi ġrieħi f’wiċċu, akkużati fost affarijiet oħra li għamlu offiża fuq żewġ pulizija u support worker, li kienu fis-sakra u li kisru l-ordni pubblika. Dawn l-immigranti, li tnejn minnhom huma minorenni, huma minn Chad, is-Sudan u n-Niġerja. Huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom bil-Maġistrat Doreen Clarke tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest u tgħid li fost l-oħrajn minħabba li waslu Malta ftit ġimgħat ilu u hemm il-biża’ li jistgħu jaħarbu.

It-78 immigrant gew assistiti mill-avukat tal-għajnuna legali, Dr Simon Micallef Stafrace.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Aktar minn 100 immigrant arrestati wara l-irvellijiet fiċ-ċentru ta’ Ħal Far

 

 

 

 

 

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Il-Gvern qed ifassal abbozz ta’ liġi biex Malta jkollha Qorti tal-Ambjent fejn jinstemgħu u jiġu deċiżi każi ta’ reati ambjentali. Il-Ministru tal-Ambjent qal li għandu l-kelma tal-avukati li l-abbozz ta’…

Edukazzjoni

Fil-bidu tas-sena d-dieħla, studenti mill-Korea t’Isfel se jibdew jitħarrġu f’Malta biex jiggradwaw bħala tekniċi fil-manutenzjoni tal-ajruplani. L-istudenti se jitħarrġu fl-MCAST wara qbil bejn il-kulleġġ, żewġ kumpaniji privati u l-gvern tal-Korea…

Edukazzjoni

Il-Fondazzjoni LifeCycle għamlet għotja ta’ €25,000 lill-Università għar-riċerka dwar ċesti li jitrabbew fil-kliewi. Riċerkaturi ser jagħmlu stħarriġ dwar il-ġenetika ta’ din il-kundizzjoni li tintiret fil-familji u twassal għal mard serju…

Televiżjoni u Radju

Il-prevedibbli se jsir imprevedibbli waqt l-għodwiet min-nhar it-Tnejn li ġej ma’ Carlo, Gordon u Anna fuq Magic Malta 91.7 FM. It-tliet karattri vivaċi b’livelli varji ta’ esperjenza radjofonika se jieħdu…

Aktar