Lokali
Se jiżdied it-tindif f’San Pawl il-Baħar u x-Xemxija għax-xhur tas-sajf

It-tindif u l-manutenzjoni fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar se jingħata spinta fix-xahrejn tas-sajf bis-saħħa ta’ ftehim bejn il-kunsill lokali u d-direttorat tat-tindif u l-manutenzjoni. Il-Gvern se jħallas nofs l-ispiża għas-servizz li se jvarja mit-tindif f’żoni residenzjali u tal-latrini u l-manutenzjoni tal-għamara tat-triq fost oħrajn.

Matul is-sajf, il-popolazzjoni ta’ San Pawl il-Baħar li jinkludi Buġibba, l-Qawra u x-Xemxija ikollu żieda qawwija fil-popolazzjoni bejn Maltin u turisti kif ukoll żieda qawwija fl-attività kummerċjali. Sajf wara sajf l-ilmenti ġustifikati dwar munzelli ta’ skart ma jiqfux. Huwa f’dan l-isfond li l-kunsill lokali u d-direttorat tat-tindif ftehmu dwar programm biex il-lokalità tinżamm aktar nadifa.

Waqt l-iffirmar tal-ftehim intqal li dan il-programm ta’ tindif anke tard filgħaxija ser jiswa mat-€300,000 li nofshom ser jitħallsu mill-kunsill u nofshom mill-Gvern.

Is-sindku ta’ San Pawl il-Baħar Ann Marie Fenech stqarr li b’hekk ser ikunu indirizzati l-ilmenti li l-kunsill spiss kien ikollu. “Għandi nuqqas ta’ staff fil-kunsill u barra u ma jistgħux ilaħħqu ma kollox.”

Id-direttur tad-direttorat tat-tindif Ramon Deguara qal li dan jista’ jkun proġett pilota għal-lokalitajiet oħrajn. Appella biex ir-residenti jagħmlu l-parti tagħhom, fosthom billi joħorġu l-boroż tal-iskart fil-ħin indikat. Qal ukoll li parti mill-ftehim, li se jkopri x-xahrejn tas-sajf jaħseb ukoll ghat-tindif tal-latrini pubbliċi.

“L-infurzar li jsir regolarment minn pulizija pajżana u staff tal-cleansing li jgħamlu monitoraġġ tal-lokalità u jaqbdu lil min jarmi skart illegali,” spjega Deguara. “Hemm il-kwistjoni ta’ plots mhux magħluqin. Hemm proċedura li qed nidentifikaw mal-awtorità tal-ippjanar biex jiġi identifikat is-sid u jittella’ iċ-ċint skond il-liġi kif suppost.”

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-direttorat tat-tindif Deo Debattista qal li d-direttorat qed jadatta għall-bżonnjiet ta’ nħawi mill-iktar bieżla ta’ Malta fosthom iż-żoni turistiċi.

Dan hu t-tieni kunsill lokali li qed jibbenefika minn ftehim bħal dan, waqt li s-Segretarju Parlamentari għall-kunsilli lokali, Silvio Parnis, qal li dan il-ftehim huwa sinjal ċar ta’ għaqda bejn il-gvern ċentrali u l-gvern lokali għaliex qegħdin jaħdmu flimkien għal għan wieħed.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Sewwieqa li kienu għaddejjin minn Triq il-Buqana, limiti ta’ Ta’ Qali sabu ma’ wiċċhom ostaklu mhux tas-soltu. Filmat li rċieva TVM juri tajer jaqa’ minn fuq trakk li dan baqa’ tul…

Kultura

Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, riesaq lejn tmiemu proġett ikkumplikat li nvolva snin ta’ studji u xogħol għad-disinn u l-istallazzjoni ta’ sistema li tikkontrolla l-ambjent fil-kripta tal-Granmastri. Il-proġett qed jaċċerta li…

Kronaka

Karozza ħadet in-nar fi Triq Liedna, il-Fgura. Il-każ seħħ għall-ħabta tas-1am. Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jikkontrollaw in-nirien. Issejħet ukoll ambulanza iżda b’xorti tajba ħadd ma weġġa’.

Stejjer Umani

Bjorn Formosa reġa’ daħal l-isptar wara li 21 jum ilu għamel operazzjoni. Fuq Facebook, Bjorn qal li qed iħossu agħar minn qatt qabel u li qed iħossu bla nifs, stordut…

Aktar