Infrastruttura
Pjanti Ġodda Central Link: Anqas art agrikola mittiefsa u aktar karreġġjati għar-roti

Il-pjanti riveduti għall-proġett tas-central link li l-Aġenzija Infrastracture Malta, ressqet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar juru li ser jitnaqsu il-karreġġjati biex tintuża inqas art agrikola u ser jiżdiedu l-karreġġjati għar-roti. Il-proġett li għandu l-għan li jtejjeb l-infrasturttura t-trasport bejn l-Imrieħel u t-telgħa tas-Saqqajja jipprovdi ukoll għal żewġ mini taħt l-art għall-użu prinċipalment taċ-ċiklisti. Iċ-Ċermen Eżekuttiv ta’ Infrastracture Malta, l-Inġinier Fredrick Azzopardi qal li sal-aħħar tas-sena mistenni jintgħażel il-kuntrattur għal dal-proġett li għalih intefgħu ħames offerti.

Wara laqgħat mal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, l-għaqdiet ambjentali u kunsilli lokali u r-residenti, Infrastracture Malta rrevediet il-pjanti għall-proġett tas-Central Link.

Iċ-Ċermen Eżekuttiv ta’ Infrastracture Malta, l-Inġinier Fredrick Azzopardi spjega li l-pjanti oriġinali kienu jinkludu bypass ġdida ta’ erba’ jew sitt korsji fuq art agrikola fil-periferija ta’ Ħ’Attard. Huwa qal li fil-pjanti l-ġodda, ser ikun hemm żewġ korsiji biex anqas art agrikola tkun mittiefsa.

Spjega li fil-pjanti riveduti, żdiedet bi tliet darbiet il-karreġġjati għar-roti u ser isiru żewġ mini taħt il-livell tat-triq, waħda ħdejn l-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji u oħra aktar ‘il fuq f’Ħ’Attard għal dawk li jimxu u għaċ-ċiklisti.

Fredrick Azzopardi qal li “fil-proġett finali se jkun hemm 7 kilometri bħala rotot ta’ fejn jistgħu jgħaddu ċ-ċiklsiti u żieda wkoll il-postijiet minn fejn jimxu r-residenti”.

L-Inġinier Azzopardi qal li l-pjanti l-ġodda jikkonfermaw li fil-proġett ser ikun hemm ħafna iktar siġar milli hemm illum.

“Finalment ser inkunu qed nispiċċaw b’madwar 550 siġra aktar indiġina fir-rotta bejn l-MFSA u r-Rabat, għaldaqstant hemm gwadann kbir mill-aspett ambjentali” qal Azzopardi.

L-Inġinier Azzopardi qal li tul ir-rotta, mill-Imrieħel sar-roundabout taht is-Saqqajja, ser jitneħħew 147 sigra, b’ħamsin minnhom huma speċi invażivi. Huwa qal li Infrastracture Malta ser tidħol fi ftehim mal-kuntratturi biex is-siġar ġodda jiġu indukrati għal ewwel snin sakemm jaqbdu l-art.

Il-Ministru tat-Trasport Ian Borg iddefenda l-proġett mill-kritika ta’ wħud. Sostna li l-proġett ilu maħsub is-snin u fil-Pjan Lokali taċ-Ċentru ta’ Malta, fl-2006 kien intqal li dan huwa meħtieġ biex jonqos t-tniġġis tal-arja, l-istorbju u perikli fit-toroq fil-qalba ta’ Ħ’Attard. Żied jgħid li l-Gvern sema’ u kkonsulta u issa għamel l-aġġustamenti fil-pjanti.

Il-Ministru Borg qal li “konna sensittivi għal dak kollu li ntqal, dan huwa rifless fil-bidliet li għamilna; konxji wkoll li rridu niddeċiedu u għalhekk issa ser nimplimentaw”.

Il-Ministru Borg qal li dan il-proġett għandu l-għan li jnaqqas bin-nofs il-ħin tal-ivvjaġġar f’din il-parti tal-pajjiż u fil-ħinijiet l-aktar traffikużi l-emissjonijiet ser jonqsu b’madwar tunnellata fis-siegħa.