Lokali
Se jkun aġġornat l-Att dwar ix-Xandir biex jirrifletti ż-żminijiet tal-lum

30% tal-kontenut li joffru s-servizzi tal-midja on-demand irid ikun prodott Ewropew u promoss b’mod viżibbli. Din hi waħda mid-diversi emendi fl-abbozz ta’ Liġi fuq l-Att dwar ix-Xandir li jinsab quddiem il-Parlament. L-abbozz jipprovdi għat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva. Il-Ministru Carmelo Abela qal b’dawn l-emendi, l-Awtorità tax-Xandir se jkollha ġuriżdizzjoni fuq servizzi li s’issa ma kellhiex setgħa fuqhom.

Wara 13 il-sena se tiġi aġġornata l-liġi dwar ix-xandir biex tirrifletti ż-żminijiet tal-lum biex fost oħrajn tirrifletti wkoll il-midja diġitali.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mix-Xandir, Carmelo Abela qal li bl-emendi ser ikun hemm aktar bilanċ fil-kompetizzjoni bejn il-midja awdjoviżiva tradizzjonali u l-pjattaformi diġitali.

Il-Ministru Abela qal li l-emendi l-ġodda huma imnebħa mid-direttiva Ewropea dwar dal-qasam li tidħol fis-seħħ f’Settembru li ġej. Qal li fost oħrajn l-emendi jinkludu, l-introduzzjoni ta’ regolamenti dwar il-pjattaformi tal-vidjows, trasparenza dwar is-sidien tal-midja, tisħieħ fl-aċċessibbilità għall-kontenut awdjoviżiv u aktar flessibilta fil-ħin għar-reklamar.

Il-Ministru Abela qal li ser isir ħidma biex jikber il-litteriżmu fil-midja li permezz tiegħu jissaħħu l-ħiliet u l-għarfien taċ-ċittadini biex jużaw il-midja b’mod aktar effettiv. F’kummenti ma’ TVM il-Ministru Abela qal li l-għan ta’ dan il-kunċett huwa li jeduka u mhux jinstrinġi.

“Irridu nħarġu nies biex ikunu responsabli għal dak li jagħmlu u fl-istess ħin ikunu aktar attenti għall-parti l-oħra li qed tara l-kontenut li jkunu tefgħu fuq pjattaformi differenti naħseb li huwa mportanti li nisħqu fuq media literacy.”

Il-Ministru Abela kompla jgħid li se jidħlu fis-seħħ regolamenti ġodda relatati ma’ ikel li fih ix-xaħmijiet, il-melħ, u z-zokkor u regolamenti oħrajn relatati mar-reklamar tal-alkoħol u l-logħob tal-azzard waqt li r-regolamenti dwar l-inklużjoni ta’ prodotti kummerċjali se jkunu anqas ebsin. Bil-liġi l-ġdida fost oħrajn il-kontenut televisiv għal udjenza adulta se jkun jista’ jixxandar wara l-għaxra flok wara id-disa’ ta filgħaxija.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Mistoqsija dwar jekk trabi għandhomx jitlibbsu maskri, Prof Gauci qalet li tfal taħt 3 snin m’għandhomx jitlibbsu l-maskra għax din tista’ tkun ta’ periklu għalihom. Dan qalitu meta kienet qed…

COVID-19

Il-Partit Nazzjonalista qal li jinsab infurmat li l-kumpanija Gozo Channel għad m’għandhiex sistema adegwata biex tara li fuq il-vapuri u fit-terminals, il-passiġġieri josservaw il-miżuri ta’ prevenzjoni mill-COVID-19 li ħabbar il-Gvern…

Kultura

Minn issa ‘l quddiem waħda mill-isbaħ xeni tal-Port il-Kbir tista’ titgawda minn fuq il-bejt ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt. Dan hekk kif fi tmiem il-ġimgħa saret l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett…

COVID-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li minn meta daħal fis-seħħ l-avviż legali l-ġimgħa li għaddiet, diġà nħarġu ħames multi ta’ €3,000 ‘l waħda għal organizzaturi ta’ attivitajiet, restoranti…

Aktar