Barranin
Se jkun obbligatorju ċertifikat tal-Covid f’ħafna postijiet fl-Italja

Mis-6 ta’ Awwissu se jkun obbligatorju ċ-ċertifikat ‘aħdar’ biex wieħed jidħol f’ħafna postijiet fl-Italja, fosthom restoranti u barijiet fil-magħluq, ċinemas, gyms, mużewijiet u konkorsi pubbliċi. Bħalissa tali ċertifikat diġà huwa obbligatorju fi djar tal-anzjani u għal ċerimonji ċivili jew reliġjużi.

Sabiex wieħed jikseb dan iċ-ċertifikat nazzjonali jrid ikun tlaqqam minn tal-anqas bl-ewwel doża, jkun għamel test negattiv fil-jumejn ta’ qabel, jew ikun ilu sa sitt xhur imfejjaq mill-Covid. Imbagħad, biex jinħareġ iċ-ċertifikat Ewropew għall-ivvjaġġar, il-persuni jridu jkunu tlaqqmu wkoll mit-tieni doża.

Dan l-iżvilupp seħħ wara li fl-aħħar ġimgħa rdoppjaw l-għadd ta’ każi ġodda tal-Covid-19 kawża tal-varjant Indjan, b’iktar minn 5,000 każ ġdid irrapportati fl-aħħar sigħat.

Hu stmat li s’issa iktar min-nofs il-popolazzjoni Taljana tlaqqmet kontra l-virus. Il-Prim Ministru, Mario Draghi, ikkundanna l-kummenti li saru mill-politiċi tal-lemin estrem, fosthom Matteo Salvini, li qed iħeġġu liż-żgħażagħ biex ma jitlaqqmux.

Fl-Italja mietu b’kollox 128,000 persuna bil-virus mindu faqqgħet il-pandemija.