Lokali
Se joffru voucher ieħor għal kull wieħed li jintefaq fir-restoranti

Sidien ta’ restoranti msieħba fl-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Ikel se jagħtu valur ta’ vouchers ugwali ta’ dawk li jintefqu fl-istabbilimenti tagħhom bħala valur miżjud.

Din l-inizjattiva tħabbret dalgħodu mill-President tal-ACE Matthew Pace f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-preżenza tal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri.

Is-Sur Pace qal li s-sidien tar-restoranti se joffru valur ogħla lill-klijenti li jużaw il-vouchers tagħhom fl-istabbilimenti tal-ikel.

Qal li l-ewwel rawnd ta’ vouchers ta’ €45 miljun iġġeneraw mad-€90 miljun, jiġifieri d-doppju tal-investiment li sar fl-ekonomija ta’ pajjiżna s-sena li għaddiet. Huwa qal li r-rawnd li jmiss se jkollu impatt akbar permezz tal-vouchers tal-€100 li tniedew fl-aħħar ġimgħat.

Is-Sur Pace qal li l-Assoċjazzjoni tinsab grata lejn it-turist domestiku li fi kliemu ta l-appoġġ tiegħu tul dan iż-żmien diffiċli u li kien grazzi għalih u għall-vouchers li ħafna mill-membri għadhom joperaw sal-lum.

Qal li għalhekk, il-membri fl-assoċjazzjoni se jagħtu valur ta’ vouchers ugwali ta’ dawk li jintefqu fl-istabbilimenti tagħhom bħala valur miżjud.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Barolo laqa’ l-inizjattiva tal-assoċjazzjoni u faħħar dik li sejjaħ bħala l-proattività, il-konverġenza u l-entużjażmu tas-settur tal-ospitalità biex iħeġġeġ u jsaħħaħ it-turiżmu intern.

Qal li permezz ta’ din l-iskema, persuna li tmur f’dawn ir-restornati bil-voucher l-aħmar tal-Gvern se tingħata ieħor mingħand ir-restorant li jkunu marru fih.

Dan biex inħeġġu lill-familji Maltin u Għawdxin igawdu iżjed ir-restoranti tagħna u jħeġġu t-turiżmu domestiku.

Huwa fisser din l-inizjattiva bħala mudell għal kif għandna nimxu għaż-żmien li ġej.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri laqa’ din l-inizjattiva li fi kliemu qed tikkumplimenta bi sħiħ l-iskema tal-€100 tal-Gvern.

Qal li l-konkorrenza fit-tniżżel u issa anke fl-użu tal-vouchers diġitali mit-Tnejn li għadda kienet tajba ħafna.