Konsumatur
Se jogħla l-prezz tal-ħalib min-nhar it-Tnejn li ġej

Min-nhar it-Tnejn se jogħla l-prezz tal-ħalib frisk lokali. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti BENNA jvarjaw minn żewġ ċenteżmi sa ħdax-il ċenteżmu.

Il-kumpanija Malta Dairy Products qalet li din iż-żieda kienet meħtieġa biex issostni l-għajxien tar-raħħala tal-ħalib, il-bdiewa li jkabbru l-magħlef u l-ħaddiema li jipproduċu l-ħalib.

Intant, l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur qalet li se tinvestiga ż-żieda mħabbra.

Il-kumpanija Malta Dairy Products ħabbret li min-nhar it-Tnejn li ġej se jiżdiedu l-prezzijiet tal-prodotti ta’ ħalib frisk li tipproduċi. Fost oħrajn, il-ħalib tal-litru tal-kartuna l-blu se jiżdied bi €0.10ċ, filwaqt li l-ħalib tal-kartuna ċ-ċilesti u l-ħalib xkumat se jiżdiedu bi €0.11ċ kull kartuna.

Il-kumpanija spjegat li minkejja żidiet fil-prezz tal-għalf fis-swieq barranin u fl-ispejjeż fl-operat, irnexxielha żżomm il-prezzijiet tal-ħalib lokali stabbli għal 7 snin. Il-kumpanija qalet li ż-żieda fil-prezzijiet tal-ħalib kienet meħtieġa biex fi kliemha ssostni l-għajxien tar-raħħala tal-ħalib, il-bdiewa li jkabbru l-magħlef u l-ħaddiema involuti fil-produzzjoni tal-ħalib filwaqt li tassigura li l-konsumatur jibqa’ jirċievi prodotti ta’ kwalità. Il-Malta Diary Products qalet li bil-prezzijiet ġodda, il-ħalib tal-Benna se jibqa’ kompetittiv meta mqabbel ma’ ħalib frisk mibjugħ f’pajjiżi oħrajn Ewropej.

Il-kumpanija kompliet tgħid li qed tillimita din iż-żieda għal mhux iktar miż-żieda ġenerali fil-prezzijiet tal-ikel, skont l-istatistika tal-Eurostat fl-aħħar 7 snin. Il-kumpanija qalet li se taħdem fuq programm ta’ mmodernizzar biex tiżgura s-sostenibbiltà ekonomika u ambjentali f’dan is-settur.

Intant, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur qalet li se tiftaħ investigazzjoni biex tistabilixxi jekk dawn iż-żidiet humiex riżultat ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq u bi ksur tal-liġi. L-Awtorità qalet li f’suq kompetittiv, il-kumpanija hi libera tistabilixxi l-prezzijiet għall-prodotti tagħha. Madankollu, l-Awtorità tqis li l-prodotti ta’ din il-kumpanija jista’ jkollhom pożizzjoni b’saħħitha fis-suq, b’kull żieda fil-prezzijiet tal-ħalib lokali m’għandhiex tkun ta’ detriment għall-konsumaturi.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Koperattivi, Edwin Vassallo, qal li ż-żieda fil-prezz tal-ħalib tirrifletti n-nuqqas tal-Gvern li qal ma ħa l-ebda inizjattiva biex irażżan iż-żieda fl-ispejjeż tal-manifattura tal-prodotti tal-ħalib. Is-Sur Vassallo ħeġġeġ lill-Gvern ma jibqax gallarija quddiem din l-isfida.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Waqt li hemm stennija għall-azzjonijiet li se jittieħdu mill-Gvern wara l-konsultazzjoni pubblika li saret fuq it-traffikar uman u l-prostituzzjoni, stħarriġ mill-programm INSIGHTS li jixxandar illejla fuq TVM, wera li l-prostituzzjoni…

Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li min qed jinvestiga l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għandu jkollu l-kuraġġ jasal sal-aħħar għax warajh se jsib l-appoġġ u d-difiża ta’…

Agrikultura

Skola fiż-żona “Taż-Żokrija” fil-Mosta li tifforma parti mill-Kulleġġ Maria Reġina għandha ċentru mnejn toffri lill-istudenti fl-aħħar tliet snin tas-sekondarja tagħlim fuq l-agrikoltura u t-trobbija tal-annimali. Mifrux fuq erbat elef u…

Aktar