Kultura
Se jsir ċentru dedikat lill-pittur Caravaggio biswit il-Kon Katidral

B’aktar minn 450,000 persuna kull sena jżuru ż-żewġ kwadri ta’ Caravaggio, l-oratorju tal-Kon Katidral ta’ San Ġwann hu l-aktar sit f’Malta li jżuruh turisti. Il-fondazzjoni li tmexxi l-Kon Katidral bdiet proġett li se jagħti aktar preġju lill-artist ċelebri tal-era Barokka. Dan se jsir b’ċentru apposta dedikat lil Caravaggio li għandu jitlesta s-sena d-dieħla u li se jagħti lill-pubbliku esperjenza edukattiva dwar ħajtu u x-xogħlijiet tiegħu.

Binja fuq il-lemin tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann li għal bosta snin kien fiha ħwienet u uffiċini ta’ bank se tkun parti mill-Mużew tal-Kon-Katidral. Din il-binja li fi żmien il-Kavallieri kienet ir-residenza tal-Gran Prijur tal-Ordni u li tinfed mal-Oratorju bdiet tinbidel f’ċentru li se jkun dedikat kollu lil Michelangelo Merisi da Caravaggio.

Il-kapolavur tiegħu li juri l-qtugħ ir-ras ta’ Ġwanni l-Battista se jibqa’ fl-Oratorju. Il-pittura l-oħra ta’ dan l-artist, li turi lil San Ġlormu, se tiċċaqlaq għal sala li se tkun dedikata għaliha fil-binja li qed tiġi rranġata.

Il-Kuratur tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Cynthia De Giorgio qal “dik il-pittura sabiħa mmens mill-istess id tal-Caravaggio wasal iż-żmien li jkollha l-ispazju tagħha. Il-viżitatur se jkun jista’ jitgħallem xi ħaġa dwar l-importanza tal-qaddis għall-Ordni u l-importanza tal-qaddis fir-reliġjon. Dawn huma aspetti li bħalissa l-viżitatur irid jixtri ktieb u jaqra fuqhom.”

Il-kuratur tal-Kon-Katidral, Cynthia De Giorgio, saħqet li ċ-Ċentru ta’ Caravaggio se jkun imfassal biex jagħti lill-viżitatur f’ħin qasir esperjenza edukattiva dwar il-ħajja tal-artist u l-wirt imprezzabbli taż-żewġ pitturi tiegħu f’Malta.

“Dan se jsir bit-teknoloġiji li hawn interactive, li huma available bħalissa fuq is-suq. Hemm hafna mużewijiet li diġà qegħdin jużawhom, jiġifieri inti at a touch of a finger jista’ jkollok l-istorja kollha tal-Caravaggio. Jista’ jkollok ħafna dettalji fuq il-ħajja tiegħu, fuq l-istil ta’ arti tiegħu.”

Biex jintlaħaq dan il-għan, fis-sular ta’ isfel taċ-Ċentru ta’ Caravaggio apparti s-sala dedikata lill-pittura ta’ San Ġlormu se jkun hemm spazju fejn jintwera dokumentarju qasir dwar ħajjet l-artist. Is-sular ta’ fuq se jkun dedikat biex permezz ta’ projections, il-pubbliku jkollu l-opportunità jifli u japprezza aktar id-dettalji fix-xogħol ta’ Caravaggio.

Iċ-Ċentru ta’ Caravaggio waħdu se jiswa mal-€4 miljuni, bi 80% tal-ispiża se titħallas mill-Unjoni Ewropea, u mistenni jkun lest is-sena d-dieħla.