Saħħa
Se jsir test tal-qalb fuq kull tarbija li titwieled f’Mater Dei

Kull tarbija li titwieled fl-isptar Mater Dei se jibda jsirilha test biex jekk hemm problemi serji tal-qalb jiġu identifikati minn kmieni.

Fi żmien xahrejn, kull tarbija li titwieled fl-isptar Mater Dei se jibda jsirilha dan l-iscreening. Din il-ġimgħa beda t-taħriġ għat-tobba u l-infermiera dwar kif jużaw tagħmir ġdid u kif jinterpretaw ir-riżultati li jagħti meta jsir l-iscreening.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, qal li b’din it-teknologija ġdida l-professjonisti fin-Neo Natal Pediatric Intensive Care Unit ser ikunu jistgħu jagħmlu dijanjosi aktar preċiza u kmieni ta’ kundizzjonijiet tal-qalb fit-trabi tat-twelid.

“Ikollna madwar 30, 35 tarbija fis-sena li titwieled bi problemi fil-qalb. Ħafna minnhom b’mod konvenzjonali diġà nkunu nafu bih, imma b’dan l-iscreening li qegħdin indaħħlu nkunu nistgħu naqbdu iżjed minn età kmieni problemi li jistgħu jkunu serji, u allura nkunu nistgħu nintervjennu f’età kmieni,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Dr Fearne qal li għalkemm ħafna mir-riżorsi huma ddedikati għall-kura tal-mard, ikun ferm aħjar li wieħed jipprevjeni l-mard jew jinduna b’kundizzjoni minn kmieni qabel ma jidħlu fil-fond is-sintomi u l-kumplikazzjonijiet.

Iċ-Chairman tad-Dipartiment tal-Pedjatrija, Paul Soler, spjega li dan it-test mhux invażiv u jsir meta t-tarbija jkollha bejn 24 u 48 siegħa. Qal li t-test hu mmirat l-aktar għal bejn 10 sa 12-il tarbija fis-sena li jitwieldu b’difett fil-qalb u li jkun ta’ periklu għalihom.

“Minn dawn nafu, minn studji li saru u minn riċerka, li nofshom ma tindunax mill-bidu nett li jkollhom dan id-difett serju. B’din it-teknoloġija li se nimplimentaw, meta nużawha mal-eżami kliniku, meta t-tabib jeżamina t-tarbija, b’din it-teknoloġija iżjed nistgħu nindunaw bihom kmieni,” spjega Dr Soler.

Ir-riżultati ddokumentati minn dan it-test se jidħlu fil-file tat-tarbija.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Tlesta proġett ta’ restawr tal-pittura tas-saqaf fil-Kappella dedikata lill-konversjoni ta’ San Pawl fil-Wied ta’ Birkirkara. Din kienet saret mill-artist Ġużeppi Briffa waqt li r-restawr sar mill-kumpanija Atelier Del Restauro. Ir-restawr…

Qorti

Dr Manfred Galdes li kien Kap Eżekuttiv tal-FIAU, qal li n-nuqqas ta’ riżorsi fit-taqsima tal-Pulizija dwar ir-reati ekonomiċi kienet qed tagħmel ix-xogħol tal-FIAU inutli. Spjega li r-rapporti li l-FIAU kienet…

Saħħa

Fiċ-Ċina, tliet persuni mietu u iżjed minn 200 oħra jinsabu morda, wara li ħakimhom mikrobu ġdid li qed jissejjaħ novel coronavirus. F’kummenti lil TVM, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci,…

Aktar