Lokali
Se jsiru barrikati fit-triq tad-Dwejra biex jitnaqqas il-periklu

Sal-lum kulma jifred it-triq li twassal għad-Dwejra mill-wied li jinsab sulari ‘l isfel huwa biss ċint baxx ħafna. Dan b’periklu għas-sewwieqa li ta’ kuljum – speċjalment f’dawn ix-xhur – iżuru din iż-żona.

Fi tweġiba għal domandi ta’ Television Malta, il-Ministeru għal Għawdex qal li lejn tmiem dan ix-xahar se jittieħdu passi biex jitpoġġew barrikati tul din it-triq. Ix-xoghol hu skedat hekk kif l-istaġun turistiku jnaqqas ftit mir-ritmu. Il-Ministeru għal Għawdex se jibda wkoll xogħlijiet fuq din it-triq, li mistennija tingħata t-tieni kisja tarmak.

Mindu f’Marzu tas-sena li għaddiet iġġarrfet it-tieqa tad-Dwejra, dan il-post, li jagħmel parti minn San Lawrenz baqa’ jattira lin-nies, l-aktar bugħaddasa.

Madankollu bejjiegħa li jarmaw f’din iż-żona ilmentaw ma’ Television Malta li ż-żona m’għadiex li kienet meta kien għad hemm it-tieqa. Qalu li n-nies naqsu l-interess li jinżlu hemmhekk.