Lokali
“Se jsiru emendi fil-liġi biex jirriflettu iktar il-kundizzjonijiet tax-xogħol skont iż-żminijiet tal-lum”

Il-futur tat-tribunal industrijali, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiem f’kriżi straordinarja kienu fost it-temi trattati fl-ewwel konferenza nazzjonali dwar il-liġi tax-xogħol. Il-Ministru Carmelo Abela qal li se jsiru emendi fil-liġi biex ikunu jirriflettu iktar il-kundizzjonijiet tax-xogħol skont iż-żminijiet tal-lum li huma iktar ikkaratterizzati mill-avvanz teknoloġiku.

F’konferenza nazzjonali bit-tema il-futur fil-qasam tax-xogħol bis-sehem ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema, min iħaddem u entitajiet ikkonċernati, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela enfasizza li se jsiru emendi fil-liġi tax-xogħol sabiex tirrifletti r-realtajiet tal-preżent u l-futur. Il-Ministru Abela qal li l-emendi l-legali se jaraw li jħarsu l-interessi tal-ħaddiema, ta’ min iħaddem u l-kompetittività’ ekonomika tal-pajjiż.

Il-Ministru Abela qal li l-iżviluppi ta’ teknoloġija, l-COVID-19 u t-tibdil fir-relazzjonijiet industrijali u l-post tax-xogħol qed ibiddlu radikalment dak li mdorrijin bih. Qal li pajjiżna huwa minn tal-ewwel li qed jieħu l-inizjattiva f’dan il-qasam.

“Huma importanti li nitkellmu bħal dan iżda dwar kundizzjonijiet ġodda bħal fosthom right to disconnet li bl-għodda li għandna llum ħaddiem jista’ jaħdem minn kulimkien u kważi kważi f’kull ħin u għalhekk dawn huma kundizzjonijiet ġodda biex niddefendu l-interessi tal-ħaddiema.”

Semma’ wkoll li għaddejja ħidma dwar qafas leġislattiv fuq ir-remote working. Il-Ministru li huwa responsabbli mill-kundizzjonijiet tax-xogħol irrefera wkoll għal ħidma li qed issir sabiex jiġu aġġornati, l-‘Wage Regulation Orders’ għal setturi differenti f’ekonomija moderna. Dan filwaqt li qed issir ħidma sabiex titwessa’ r-relevanza tat-Tribunal Industrijali.