Lokali
Se jsiru programmi biex jgħinu lil dawk li jinqabdu fit-traffikar uman

Il-programm ta’ ħidma għas-sena d-dieħla biex ikunu implimentati l-miżuri tal-Budget fil-qasam tal-ugwaljanza u r-riformi fosthom miżuri dwar il-prostituzzjoni u kontra t-traffikar uman ġew spjegati mill-Ministru Helena Dalli u mis-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli f’konferenza tal-ahbarijiet.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza, ir-Riformi u s-Simplifikazzjoni tal-Proċess Amminsitrattivi Julia Farrugia Portelli qalet li l-2019 irid ikompli jitwettqu riformi fost oħrajn biex tkun miġġielda l-problema tat-traffikar uman. F’konferenza tal-aħbarijiet fis-sensiela dwar il-Budget, Segretarju Parlamentari u l-Ministru għal Ugwaljanza u l-Affarijiet Ewropea Helena Dalli tkellmu dwar uħud mill-miżuri li ser ikunu qed jaħdmu fuqhom is-sena d-dieħla.

Is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli qalet li ser isiru programmi li jgħinu lill-persuni li jinqabdu fit-traffikar uman u l-prostituzzjoni biex joħorġu mil-problemi li jkunu daħlu fihom.

Il-Ministru Dalli qalet li ser jittieħdu inizjattivi biex ikun hemm ftehim kif jistgħu jiżdiedu r-rappreżentanti nisa fil-Parlament u f’postijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet biex tikber l-ugwaljanza. Dr Dalli qalet li s-sena d-dieħla l-ħaddiema kollha ser igawdu minn ġurnata iżjed fil-leave.

Il-Ministru Helena Dalli qalet “qed tingħata t-tieni ġurnata vaganza illi taqa’ fil-weekend li kienet ittieħdet qabel, dik hija wegħda elettorali li jingħataw il-ġranet li ttieħdu, din ser tkun it-tieni darba, nitkellmu ħafna fuq il-bilanċ u issa bejn ix-xogħol u l-familja. Din hija miżura li ser tikkontribwixxi minn dak l-aspett u qegħdin ngħidu wkoll li persuna ma tistax tibqa’ fuq il-paga minima aktar minn sena però minkejja dan miżura qed inżiedu l-paga minima.

Il-Ministru Dalli qalet li l-pajjiż kompla jirriforma l-liġijiet dwar il-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.