Lokali
“Se nagħmel minn kollox biex inbiddel il-perċezzjoni tan-nies dwar ix-xufiera tat-taxis f’Malta”

Il-Kap Eżekuttiv il-ġdid ta’ HandsOn System Geoffrey Farrugia li qed jassisti lit-tmexxija l-ġdida ta’ Malta Taxi, qal li se jkun qiegħed jagħmel minn kollox biex ibiddel il-perċezzjoni tan-nies dwar ix-xufiera tat-taxis f’pajjiżna.

Is-Sur Farrugia qal dan fit-tnedija tad-dehra u l-isem il-ġdid għall-Assoċjazzjoni ta’ Taxis Liċenzjati f’Malta.

Huwa qal li f’Malta hawn 250 xufier ta’ taxi lliċenzjati u 50 oħra f’Għawdex. Qal li kulħadd jaf li tat-taxis il-bojod ilhom jagħtu dan is-servizz għall-ġenerazzjonijiet twal bil-liċenzja tgħaddi minn missier għal iben jew saħansitra għal bint.

Huwa qal li x-xufiera tat-taxis jafu kull kantuniera fil-gżejjer Maltin u huma nies biżlin ħafna.

“Sfortunament, il-prattiċi tagħhom mal-klijenti, l-orjentament u l-imġiba tagħhom, minbarra l-prezzijiet mhux konsistenti u naqqas li jaġġornaw mat-teknoloġija, fissru li bħal dinosawri fis-suq, kienu waslu fix-xifer li jispiċċaw u l-pandemija… għamlet is-sitwazzjoni ferm agħar”, qal Farrugia.

Huwa qal li fil-bidu tas-sena saru diskussjonijiet ma’ Malcolm Ciantar, il-Kap Eżekuttiv il-ġdid ta’ Malta Taxis, bil-għan li jingħata bidu ġdid għal din l-assoċjazzjoni.

Fost oħrajn tħabbar li karozza ma tistax iddum aktar minn 10 snin fit-triq, uniformijiet ġodda għax-xufiera, vetturi ndaf fosthom deodoranti tal-arja kuljum, u teknoloġija trasparenti li permezz tagħha qalu li se jkunu fuq l-istess livell jekk mhux aħjar mill-kompetizzjoni.

“Għalhekk m’hemmx iżjed ilbies traskurat u karozzi żdingati”, qal Farrugia waqt li assigura li kull sewwieq jista’ jiġi identifikat permezz ta’ app. Huwa assigura wkoll li jekk xufier ta’ taxi jsuq b’veloċità eċċessiva jew b’mod perikoluż, jiġi sospiż mill-ewwel.

Huwa ħeġġeġ ukoll lill-klijenti biex iħallu r-reazzjoni tagħhom fuq app jew website ġdida li tniedew b’rabta ma’ din l-identità l-ġdida.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ HandsOn System temm jgħid li jinsabu impenjati li jerġgħu jpoġġu lil Malta Taxi fuq saqajha permezz tal-kompetenza teknoloġika tagħhom.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv il-ġdid tat-taxis il-bojod Malcolm Ciantar qal li l-klijenti jistgħu jibbukkjaw rikba bl-app jew bil-website tagħhom u se jiġu mgħarrfa mill-ewwel bil-prezz.
Huwa ħabbar ukoll li se jitniedu skemi ġodda biex iħajru kumpaniji u nies lokali biex jivvjaġġaw permezz tat-taxis u b’hekk inaqqsu t-traffiku.