Stejjer Umani
“Se niġri 30 maratona għal 30 jum wara li marti kellha kanċer”

Imġarrab bil-pjaga tal-kanċer fost membri tal-familja tiegħu, atleta iddeċieda li minn għada jagħmel tletin maratona fi tletin jum biex jiġbor fondi għal Puttinu Cares. Andrew Lang li ilu erbgħin sena jieħu sehem f’martoni Malta u barra, qal li jekk jirnexxielu jagħmel din l-isfida b’suċċess ikun l-ikbar u l-isbaħ trofew li qatt rebaħ f’ħajtu.

Imwieled l-Iskozja, l-atleta Andrew Lang jgħid li ħajtu inbidlet wara li snin ilu martu Edith mardet bil-kanċer. Iħoss għafsa ta’ qalb meta jara minn xiex għaddiet martu.

Andrew ilu għal iktar minn 40 sena jiġri f’numru ta’ maratoni. Din id-darba ħaseb biex jitħarreġ għal sfida ikbar u b’rispett lejn l-isforzi u t-tbatija li ġarrbet martu, se jagħmel maratona kuljum għal tletin ġurnata b’risq il-fondazzjoni Puttinu Cares.

“In 2011 my wife was diagnosed with cancer, and I wanted to do this challenge, did a lot of training and thought this would be the right time and am ready,” spjega Andrew.

Mart Andrew, Edith qalet li din l-isfida li qed jagħmel żewġha tfisser ħafna għaliex hi u familtha jafu xi tfisser it-tbatija tal-kanċer, l-iktar meta tilfet lil oħtha Monica. “Qatgħa kbira, għax filli kienet f’saħħitha u f’daqqa waħda taraha sejra lura u għadna sal-lum u anki r-raġel tagħha, b’xokk kbir.”

Edith qalet li tixtieq li dawn il-maratoni jwasslu biex itaffu ftit mid-diffikultajiet tal-familji għaddejjin mill-mard. “Li jagħmlu kuraġġ, għax mhux faċli, kont nitlob lill-Mulej u l-Madonna, u naħseb bit-talb, naħseb tasal.”

Andrew Lang se jkun qed jiġri kuljum f’Ta’ Qali. Biex jagħmel maratona ta’ 42 kilometru mistenni jdum ftit iktar minn tliet sigħat. Se jibda minn għada u jibqa’ għaddej kuljum matul ix-xahar t’April.

Ma’ Andrew se jiġru atleti oħra, fosthom Joe Pace u Fabio Spiteri, biex jagħtuh appoġġ f’din l-isfida. Andrew qalilna li wara dawn is-snin kollha kemm ilu jiġri fil-maratoni, jekk jirnexxilu jasal sal-aħħar ikun kiseb l-ikbar midalja li qatt rebaħ f’ħajtu, għax ikun għamel id-differenza f’ħajjet ħaddieħor.