Lokali
Se nippromwovu kuntatt permezz tat-teknoloġija u l-innovazzjoni bejn pajjiżi Ażjatiċi u Ewropej -PM

Ilbieraħ ingħata bidu għat-12-il summit bejn il-pajjiżi Ażjatiċi u Ewropej magħruf bħala l-ASEM. Dan is-summit li jsir kull sentejn, qed ilaqqa’ 30 Kap ta’ Stat u Gvern Ewropew, flimkien ma’ 21 mexxej Ażjatiku. Ilbieraħ saret iċ-ċerimonja tal-ftuħ segwita b’ikla fil-preżenza tar- Re Philippe tal-Belġju, waqt li l-qofol tas-summit jintlaħaq il-Ġimgħa bis-sessjoni plenarja, li se tkun ukoll indirizzata mill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Ma’ TVM, il-Prim Ministru Muscat qal li dan huwa forum eċitanti ħafna anke meta tqis li wħud mill-imsieħba fin-negozju importanti ħafna ta’ Malta qegħdin fl-Ażja, bħal Singapore, il-Ġappun u ċ-Ċina. Qal bħala pajjiż Ewropew huwa importanti li kemm jista’ jkun il-kuntatti ma’ dan il-kontinent ikunu b’saħħithom.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal “f’dan is-summit se nkunu qed nippromwovu kemm jista’ jkun il-kuntatt permezz tat-teknoloġija u l-innovazzjoni illi dan huwa qasam fejn Malta għamlet avvanzi kbar. Dak li qed nagħmlu fil-qasam tal-blockchain li qed tiġbed ħafna attenzjoni u issa rridu inħarsu lejn il-qasam tal-Artificial Intelligence u oqsma oħra biex nattiraw aktar investiment anke minn dan il-kontinent”.

Intant, il-Ħamis intemm Kunsill Ewropew bejn il-mexxejja Ewropej. L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit għadhom ma waslux għal konklużjoni fin-negozjati għal ftehim dwar Brexit minħabba l-ħtieġa ta’ assigurazzjoni għal dak li se jiġri dwar l-Irlanda; pajjiż maqsum b’biċċa parti mir-Renju Unit u parti oħra fl-Unjoni Ewropea. F’kummenti lil TVM, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li din il-qasma qed tirrendi fi kwistjoni delikata dwar il-fruntieri b’ħafna implikazzjonijiet fosthom dwar il-moviment tal-persuni u l-prodotti u aspetti relatati mas-sigurtà.

Il-Prim Ministru qal “issa l-problema hi li din il-fruntiera, se jsiru l-frunitieri ta’ barra l-UE u wieħed irid jara li dak li se jidħol fir-Renju Unit, la darba r-Renju Unit mhux se jibqa’ parti mill-UE ikun tal-istess standards ta’ prodotti li jkunu fl-UE. Eżempju fil-qasam tal-ikel, agrikolu u oħrajn. Ma tistax li l-fabbriki Maltin iġġgħeluhom jaħdmu fuq certu standars u ddaħħlilhom spejjeż minħabba regoli Ewropea imma tippermetti li jidħlu prodotti mir-Renju Unit jew x’imkien ieħor li ma jkunux mas-standards u jidħlu fis-suq Ewropw u ma jkunx hemm level playing. Mhux qed ngħid li se jkun il-każ imma imma rridu nipprevenu milli jsir.”

L-Unjoni Ewropea offriet lir-Renju Unit li jekk jintlaħaq ftehim biex Brexit iseħħ f’Marzu tas-sena d-dieħla, testendi b’aktar xhur dak magħruf bħala l-perjodu ta’ transizzjoni. Il-perjodu ta’ transizzjoni li s’issa hu skedat li jibqa’ għaddej sal-aħħar tal-2020 hu maħsub biex matulu ż-żewġ naħat ikunu jistgħu jadattaw għax-xenarju l-ġdid ta’ Unjoni Ewropea mingħajr ir-Renju Unit u biex jiġu finalizzati d-dettalji kollha tar-relazzjoni l-ġdida ta’ bejniethom.

Dwar l-immigrazzjoni, li kienet diskussa wkoll fis-summit, Dr Muscat qal li filwaqt li hemm kwistjonijiet li jkunu problematiċi mal-ġirien tagħna, ilmod kif il-Gvern Malti mmaniġġja s-sitwazzjoni matul dawn l-aħħar xhur waslu biex illum il-ġurnata Malta titkellem b’awtorità, kemm teknika, kif ukoll poltika u morali, bil-pajjiżi kollha oħra qed jisimgħuna.