Politika
“Se nkun kawta imma ottimista li nista’ nagħmel dak li ili nagħmel minn meta kont eletta – nibni l-pontijiet”

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola stqarret li tinsab kburija bir-riżultat li kisbet ilbieraħ u qalet li ħadet dan ir-riżultat b’umiltà.

F’intervista fuq TVAM, li jixxandar fuq TVMNews+, Metsola qalet li l-elezzjoni kienet diffiċli għax kienet qed tikkompeti ma’ kollegi u ħbieb u riedet taħdem biex tikkonvinċi madwar 180 membru tal-Pratit Popolari Ewropew li hi l-aħjar kandidata li tista’ tirbaħ fil-Parlament kollu u fuq kollox l-aħjar kandidata biex tmexxi l-Parlament.

Hija kienet qed tagħti l-kummenti tagħha wara li lbieraħ rebħet il-kandidatura għall-elezzjoni Presidenzjali tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Popolari Ewropew (PPE). Metsola, li kkontestat ma’ żewg Ewroparlamentari oħra, kisbet 64 % tal-voti mid-deputati Ewroparlamentari tal-Partit Popolari Ewropew. Hija kisbet 112-il vot fl-ewwel għadd tal voti li fih ivvutaw 174 membru parlamentari tal-PPE. L-Olandiża Esther de Lange kisbet 44 vot waqt li Awstrijak Othmar Karas kiseb 18-il vot.

Il-pass li jmiss għal Metsola issa li tkompli tħejji ruħha għall-elezzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew li mistennija ssir fis-17 ta’ Jannar. Kif spjegat hi stess, l-elezzjoni trid issir bilfors u li żgur jkun hemm min jikkontesta għaliha.

Spjegat li mil-lum stess se tibda b’laqgħat ta’ negozjati biex tara jekk jistax jerġa’ jsir ftehim ta’ koalizzjoni. Ftehim simili kien intlaħaq fl-2019, meta l-President attwali, David Sassoli, ingħata l-appoġġ sabiex ikun jista’ jmexxi, liema ftehim jiskadi mat-tmiem il-mandat tiegħu.

Kif spjegat Metsola stess jekk tkun eletta f’Jannar li ġej hija se tkun l-ewwel President mara fl-aħħar 20 sena u l-ewwel waħda minn pajjiż żgħir.

Hija qalet li se tkun kawta imma tinsab ottimista li tista’ tagħmel dak li ilha tagħmel minn meta kienet eletta, tibni l-pontijiet ma’ kull min hu lest li jaħdem għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kif ukoll għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea kollha.