MEUSAC
Se ssiefer matul il-festi? Kun af x’inhuma d-drittijiet tiegħek!

Fi żmien il-Milied ir-rota tax-xogħol tnaqqas u ħafna huma dawk li jfittxu ħin ma’ qrabathom jew ħbiebhom għal ftit ġranet ’il bogħod minn xtutna. L-Ewropa dejjem kienet destinazzjoni popolari għall-btajjel ma’ ħafna minnha l-Maltin, iżda kemm huma dawk li jafu li l-ivvjaġġar fl-Unjoni Ewropea jġib miegħu numru ta’ drittijiet għaċ-ċittadini Ewropej?

Il-prinċipju bażiku huwa l-moviment ħieles taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Iż-Żona Schengen tagħti garanzija ta’ moviment mingħajr kontrolli mal-fruntieri lil aktar minn 400 miljun ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jiċċaqilqu bejn pajjiż Ewropew u ieħor. B’kollox huma 26 pajjiż li jiffurmaw parti miż-Żona Schengen – 22 Stat Membru u l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera. Huwa biss f’ċirkustanzi meqjusa bħala straordinarji li ċittadini jiġu mwaqqfa fil-fruntieri ta’ dawn il-pajjiżi Ewropej.

Filwaqt li mhuwiex neċessarju li wieħed juri l-karta tal-identità nazzjonali jew il-passaport meta wieħed jivvjaġġa bejn pajjiżi taż-Żona Schengen, xorta jkun jaqbel li tinżamm xi forma ta’ identità nazzjonali f’każ li persuna tkun mitluba tidentifika ruħha minn xi awtorità fi Stati Membri oħra. Tajjeb li wieħed jifhem li l-liċenzja tas-sewqan, il-kards tal-posta, tal-bank jew tat-taxxa ma jitqisux bħala dokumenti tal-ivvjaġġar validi.

Sa ftit snin ilu, meta ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea kienu jivvjaġġjaw fl-Ewropa, kienu jħallsu prezzijiet għolja għall-użu tal-mobile. L-hekk imsejħa tariffi tar-roaming, japplikaw sakemm persuna tgħaddi iktar żmien f’pajjiżha milli barra minnu u l-operaturi tas-servizzi tal-mobile huma  obbligati jitolbu ħlas b’rati domestiċi meta wieħed ikun qed jivvjaġġja fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, fl-Iżlanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein. Jeżistu regoli u limiti dwar l-użu ta’ dan is-servizz barra minn pajjiżha filwaqt li tħallas prezz domestiku. L-operaturi huma xorta fid-dover li javżaw minn qabel lill-klijenti tagħhom jekk ser ikun hemm xi ħlas addizzjonali.

F’każijiet ta’ emerġenza relatata ma’ saħħa li jistgħu jinqalgħu meta xi ħadd ikun fuq btala f’kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea, fl-Iżlanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein wieħed jista’ jagħmel użu mill-Kard Ewropea għall-Assikurazzjoni tas-Saħħa valida li tinħareġ mill-Istat Membru fejn persuna tkun tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Il-Kard tiggarantixxi li persuni li jkollhom bżonn trattament fi sptarijiet jew kliniċi pubbliċi, jiġu ttrattati bħaċ-ċittadini tal-pajjiż rispettiv.

F’każijiet ta’ ħtieġa ta’ assistenza minn ambaxxata jew konsulat, jekk fil-pajjiż li nkunu qegħdin fih, ma jkunx hemm rappreżentanza ta’ konsulat jew ambaxxata, bħala ċittadini tal-Unjoni Ewropea nistgħu nużaw is-servizzi ta’ konsulati jew ambaxxati ta’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Din tapplika wkoll għal meta nkunu f’pajjiżi oħra li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea.

Dawn huma biss ftit mid-drittijiet li aħna bħala ċittadini tal-Unjoni Ewropea ngawdu minnhom meta nivjaġġjaw fl-Ewropa. Hemm fost l-oħrajn diversi drittijiet marbuta mal-ivvjaġġar bl-ajru, fl-art u bil-baħar.

L-Unjoni Ewropea fasslet dawn id-drittijiet sabiex tiffaċilita l-moviment taċ-ċittadini tagħha bejn Stat Membru u ieħor u tiggarantixxi iktar sigurtà anke f’oqsma ta’ saħħa u t-tnaqqis ta’ abbuż f’ċertu oqsma.

Artiklu miġbur minn:

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

L-Uffiċċju għad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja qed iħabbar dati ġodda għall-poloz ta’ parteċipazzjoni għall-Iskejjel tal-Knisja. Dawn se jiġu mxandra live fuq www.knisja.mt minn ġo studio mingħajr il-preżenza tal-ġenituri u bl-inqas nies possibbli, minħabba r‑restrizzjonijiet kontra t‑tixrid tal‑coronavirus. L-ewwel…

Unjoni Ewropea

Il-kriżijiet ta’ spiss ma jħarsux lejn l-uċuħ meta jolqtuna. Filwaqt li xi wħud jistgħu jiġu previsti u indirizzati bi tħejjijiet xierqa, oħrajn jaħsduna għall-għarrieda, bħal fil-każ ta’ din il-pandemija storika…

Lokali

Lejlet il-41 anniversajru minn Jum il-Ħelsien, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li l-ħelsien modern li bħalissa qed nissieltu għalih huwa l-ħelsien minn pandemija. F’messaġġ fuq One Television,…

Aktar