Lokali
Se tibda tara tabelli ġodda ma’ kull xandira televiżiva – ara xi jfissru

Mill-iskeda tal-ħarifa li jmiss xandiriet televiżivi, inkluż drama u programmi, se jkunu klassifikati b’tabella li tindika l-età tal-udjenza li jistgħu jaraw dan il-kontenut.

F’ċirkolari mibgħut illum lill-mezzi tax-xandir, l-Awtorità tax-Xandir ħabbret li kull ġeneru ta’ xandira televiżiva trid tkun akkumpanjata b’tabella li tidher fl-ewwel minuta, u li tindika jekk din hux addattata għal tfal, adolexxenti, jew adulti.

Is-sistema ta’ klassifikazzjoni li għandha tintuża hija dik użata internazzjonalment, fejn ‘U’ f’ċirku aħdar tindika li x-xandira hi addattata għal kulħadd, ‘PG’ f’ċirku isfar tindfika li t-tfal għandhom ikunu akkumpanjati mill-adulti, waqt li ’12A’ f’ċirku oranġjo juri li din addattata għal tfal minn 12-il sena ‘l fuq jew tfal iżgħar akkumpanjati minn adulti.

Il-kumplament tat-tabelli ’12’ fuq sfond oranġjo, ’15’ fuq il-kannella u ’18’ fuq il-kannella jindikaw l-età li għalihom ix-xandira.

Dawn it-tabelli li jindikaw l-età jridu jkunu akkumpanjati wkoll minn tabelli oħra li jindikaw it-tema tal-kontenut li minħabba fih tkun saret dik il-klassifikazzjoni partikolari; ċioe minħabba vjolenza, biża’, sess, diskriminazzjoni, abbuż ta’ alkoħol/droga jew lingwaġġ mhux xieraq.

Barra minn hekk, minn wara s-sajf se jkun pospost b’nofsiegħa l-ħin li fih jistgħu jibdew jixxandru programmi għall-adulti, biex minflok fid-9.00pm dawn issa jkunu jistgħu jibdew jixxandru biss mid-9.30pm ‘il quddiem.

It-tabelli li se jkunu qed juru t-temi tax-xandira