Propjetà
Sena mingħajr ħlas għal reġistrazzjoni ta’ kuntratti ta’ kirjiet residenzjali

L-Awtorità tad-Djar ser tagħti sena gratis mill-ħlas għal kuntratti tal-kirjiet residenzjali, u ser tibda tiġbor dal-ħlas ta’ €10 għal kull kuntratt mill-2021. Waqt li l-Awtorità għaddejja bit-tħejjijiet biex timplimenta l-liġi ġdida dwar il-kirjiet residenzjali, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay, iċċara dak li sejjaħ miżinterpretazzjoni tal-liġi li qed tingħata, saħansitra minn aġenti tal-propjetà.

Ftit passi ‘l bogħod mill-Awtorità tad-Djar fil-Floriana, għaddejjin l-aħħar tħejjijiet fil-binja minn fejn ser topera t-taqsima l-ġdida li ser tkun responsabbli biex timplimenta l-liġi l-ġdida dwar il-kirjiet residenzjali, fosthom ir-reġistrazzjoni tal-kirjiet il-ġodda li ser tkun obbligatorju mix-xahar id-dieħel.

“F’dawn l-uffiċċji l-ġodda ser ikollna timijiet li ser jieħdu ħsieb ir-reġistrazzjoni, il-vetting tal-kuntratti, kif ukoll il-parti fejn in-nies iridu jikkonformaw mal-liġi, mal-parti tal-compliance u iktar minn hekk ser naraw li jkun hemm persuni li jkunu punt ta’ referiment għall-inkwilni, tas-sidien u anke għall-aġenti,” qal is-Sur McKay.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità żvela ma’ TVM li r-reġistrazzjoni ta’ kuntratti s-sena d-dieħla ser isiru mingħajr ħlas, u mill-2021 ser ikun hemm miżata ta’ €10 għal kull kuntratt.

Is-Sur McKay sostna li kontra l-impressjoni li qed tingħata minn uħud, saħansitra aġenti tal-propjetà, il-liġi l-ġdida ser tirregola r-relazzjoni bejn is-sidien u l-inkiwlini, u waqt li tassigura trasparenza, mhix ser tirrestrinġi dak li jiftehmu bejniethom il-partijiet, sakemm dan ikun skont il-liġi. Fost dawn semma l-Kappara, li tinkludi ammont għal ħlas tad-dawl u l-ilma u l-assigurazzjoni, fost oħrajn, iżda dawn iridu jkunu indikati fil-kuntratt.

“Irid ikun hemm il-kunsens taż-żewġ partijiet dwar xi ħlas ser isir fil-kuntratt. Kull ammont li ser jiħallas mill-inkwilin irid jingħata evidenza għal kull ammont li ser iħallas, kif ukoll irid jipprovdi kopja tal-kont innifsu biex naraw li l-inkwilin li qed iħallas dak l-ammont ikun verament jirrifletti l-konsum tiegħu.”

Is-Sur Mckay qal li l-kuntratti ma jistax ikollhom klawsola għat-terminazzjoni tal-kuntratt b’mod awtomatiku, anke jekk l-inkwilin ma jħallasx il-kirjiet dovuti. Qal li f’każ ta’ diżgwid dwar il-ħlas tal-kera, id-deċiżjoni għat-tkeċċija tal-inkwlin trid tittieħed mill-Qorti.

“Iż-żewġ partijiet se ikunu jistgħu juru evidenza li juru li veru kien hemm okkupazzjoni u proprju l-iskop tagħna huwa li ngħinu liż-żewġ partijiet billi nuru li mis-sistema tagħna veru kien hemm okkupazzjoni.”

Is-Sur Mckay qal li l-Awtorità ħadmet fuq sistema ta’ IT ġdida li fuqha ser jiġu reġistrati l-kuntratti tal-kirijiet. Qal li ser tintuża t-teknoloġija tal-Blockchain biex iżżid fit-trasparenza tal-proċessi.