Ambjent
ARA: Se tiġi indirizzata s-sistema tal-ARMS li biha jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Il-Ministru tal-Enerġija Joe Mizzi qal li s-sistema kompjuterizza li biha l-ARMS taħdem il-kontijiet tad-dawl u l-ilma bdiet tintuza fl-2010 u għadha tintuża sal-lum. Mistoqsi fuq il-fatt li anke l-Prim Ministru Joseph Muscat kien ammetta li din is-sistema għadha toħloq diskrepanzi f’xi kontijiet, il-Ministru Mizzi qal li l-Gvern għaddej bix-xogħol, u wasal fl-aħħar fażi, biex din tkun indirizzata.

“Aħna qed naħsbu f’sistema u filfatt qiegħda avvanzata, li jien wkoll ‘il quddiem se nressaqha kabinett, fejn wieħed jagħti benefiċċji għal din is-sitwazzjoni. Jiġifieri l-proċess mexa sew u waslet fi stadju biex inressaqha kabinett.”

Il-Ministru Mizzi kien qed iżur il-bini tal-Fondazzjoni Inspire f’Bulebel fejn il-kumpanija Frank Salt Real Estate investiet ‘il fuq minn 121,000 ewro f’pannelli tax-xemx biex tgħin lill-fondazzjoni tkopri l-ispejjes tal-enerġija. Permezz t’hekk il-Fondazzjoni se tiffranka iżjed minn 40,000 ewro fis-sena. Il-Kap Eżekuttiv tal-Inspire, Antonello Gauci, qal li b’din għotja kbira jistghu ikomplu jinvestu iżjed fis-servizz tagħhom.

Mistoqsi minn TVM, dwar jekk il-familji li investew f’dawn il-panelli hux qed jiġu infurmati li l-kuntratti tagħhom skadew, jew waslu biex jiskadu hux jiġu infurmati bir-rata inqas preferenzjali tal-feed in tariff, il-Ministru Mizzi qal li min investa żgur li ġabar flusu.

“Fil-kuntratt kien jaf għax iffirma l-kuntratt, hemm dawk l-obbligi kollha u meta se jittermina u kif u kif se jkunu l-affarijiet. Dawn huma ċari, pero sakemm il-perjodu li l-kuntratt jittermina, huma ġabuhom lura l-flus li investew, jiġifieri ġabuhom lura u ma tilfux flushom. Pero ovvjament imbagħad la jiskadi ż-żmien, hemm żewġ options, jew jieħu bir-rata li qegħda li tiġġenera ħa ngħid hekk l-Enemalta, jew inkella wkoll dik il-parti tagħha tista’ tgħid isma’ jien ħa nnaqqsu mill-konsum li jien nieħu mill-Enemalta. Jiġifieri tagħżel option minnhom.”

Il-Ministru Mizzi qal li ser issir kampanja biex min għandu pannelli fotovoltajċi jinvesti b’ghajnuna tal-gvern f’batterija biex jaħżen l-enerġija mill-panelli biex juża bil-lejl u f’ġranet xitwin.