Lokali
Se tiġi restawrata l-kappella ta’ Santa Marija tal-Ħlas, iż-Żejtun

Il-Kappella dedikata lil Santa Marija tal-Ħlas fiż-Żejtun ser tkun restawrata bi spiża ta’ €130,000 li ser ikunu kofinanzjati mill-Fond Ewropej. Il-proġett b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta ġie varat dalgħodu.

Il-Kappella dedikata lil Santa Marija tal-Ħlas fiż-Żejtun tinsab fi stat ħażin ħafna tant li kienet ikkundannata bi struzzjonijiet li ħadd ma jista’ jidħol fiha minħabba li s-saqaf jista’ jaqa’ minn ħin għall-ieħor. F’din il-kappella li tmur lura aktar minn 400 sena.

“Kienet ħasda kbira għalina meta l-perit qalli li ma nistgħux nidħlu fiha għax hija kkundannata biżżejjed ngħidilkom li l-arkati mis-survey li sar niżlu madwar 6 pulzieri, jiġifieri għandha biċċa xogħol ta’ restawr estensiv. Fil-fatt ser inkludi li jsiru dniefel battreys biex isaħħu l-ħajt li hawn warajaha, il-ħajt l-ieħor huwa san u sintendi jerġgħu jitpoġġew il-ħnejjiet kif kienu.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stephan Zrinzo Azzopardi jgħid li proġetti bħal dawn huma ta’ ħtieġa kbira biex il-patrimonju kulturali ma jintilifx biex jitgawda mill-ġenerazzjonijiet li tilgħin iżda anke biex iservi ta’ attrazzjoni turistika.

“Din il-kullana ta’ proġetti li qed isiru minn fondi tal-UE fejn is-segretarjat flimkien mal-fondazzjoni responsabbli mill-wirt ekklesjastiku ser nagħmlu proġett li ser jiswa €130,000 biex dan il-ġojjell, din il-binja storika tkun qed tiġi restawrata.”

Flimkien ma’ dan il-proġett li sar jirrestawra l-istruttura kollha tal-kappella tal-Madonna tal-Ħlas fiż-Żejtun il-Knisja qed tagħmel proġetti oħra biex tieħu ħsieb il-patrimonju kulturali bi spiża ta’ €330,000.

Is-Segretarju Amministrattiv Michael Pace Ross qal “għandha bżonn restawr estensiv għax kif qal l-Arċipriet qiegħda fi stat pjetus li ser taqa’. Dan ser jiswa xi 130,000 ewro però għandna żewġ proġetti oħra fil-knisja arċipretali ta’ Bormla kif ukoll il-kappella ta’ Santa Teresa t’Avila fil-knijsa Arċipretali ta’ San Pawl fil-Belt”.

Is-Sur Pace Ross qal li fl-aħħar ħames snin il-Knisja sabet kollaborazzjoni mill-Gvern biex il-patrimonju kulturali u ekklesjastiku ma jintiflix.