Kultura
Se tiġi restawrata l-koppla minn barra tal-knisja Arċipretali taż-Żurrieq

Jitħabbar proġett ieħor ta’ ħarsien ta’ patrimonju storiku u kulturali. Fil-ġimgħat li ġejjin se jibda r-restawr minn barra tal-koppla tal-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina, fiż-Żurrieq. Dan hu wieħed minn 32 proġett ta’ konservazzjoni u restawr li l-Knisja f’Malta qed twettaq b’għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea.

Il-knisja Arċipretali taż-Żurrieq dedikata lil Santa Katerina hija waħda mill-ewwel knejjes f’Malta mibnija fuq stil Barokk. Inbniet fis-seklu 17 u hi mogħnija b’diversi pitturi ta’ Mattia Preti. Ħu maħsub li l-arkitett tal-knisja kien Matteolo Saliba u kienet kkonsagrata mill-Isqof Alpheran de Bussan fl-1731.

Fil-ġimgħat li ġejjin se jibda x-xogħol ta’ restawr tal-koppla minn barra billi jitnaddaf il-ġebel u jinbidel ġebel li ġarrab ħsara, se jitneħħa l-membrane u se jiġi rrestawrat id-deffun u l-aperturi tal-injam.

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Knisja f’Malta Michael Pace Ross qal li dan il-proġett se jiswa madwar €70,000 u hu wieħed minn 32 proġett ta’ konservazzjoni u restawr li l-Knisja qed twettaq f’diversi parroċċi permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għas-snin 2014-2020.

“Aħna bħala Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali mhux biss qed niffokaw fuq knejjes imma qed niffokaw ukoll fuq l-opri tal-arti, fil-każ taż-Żurrieq hija l-knisja arċipretali imma hemm knejjes oħrajn u binjiet oħrajn fejn anki qed nirrestawraw opri tal-arti u statwi,” qal is-Segretarju Amministrattiv tla-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li b’dan ix-xogħol il-paroċċa taż-Żurrieq se tkun qed tippreserva l-wirt kulturali reliġjuż għall-ġejjieni.

“Fondi tal-Unjoni Ewropea bħala parti minn proġett estensiv li qed isir mal-Fondazzjoni responsabbli mill-wirt ekklezjastiku li flimkien qegħdin nagħmlu sensiela ta’ proġetti ta’ restawr f’diversi parroċċi Maltin,” qal is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi.

Ir-restawr fuq il-koppla taż-Żurrieq mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla.