Lokali
Se tiġi rrestawrata l-Berġa ta’ Franza fil-Birgu

Binja fil-Birgu li tmur lura għall-ewwel snin tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta u li kienet tilqa’ l-kavallieri tal-lingwa Franċiża se tiġi restawrata.

Il-Berġa ta’ Franza li bħalissa qiegħda tilqa’ l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali tal-Belt Rebbieħa se tiġi restawrata b’fondi mill-Awtorità tat-Turiżmu.

Il-Gvern se jinvesti ħamsa u tletin elf ewro għar-restawr tal-Berġa ta’ Franza li tinsab fil-qalba storika tal-Birgu: il-collachio.

Is-Sindku tal-Birgu John Boxall qal li din hi waħda mill-akbar bereġ li ħallew warajhom il-Kavallieri fil-Birgu u r-restawr hu meħtieġ biex tingħata lura lin-nies u japprezzaw il-ġmiel storiku u artistiku tagħha.

“Nirrestawraha b’tali mod u manjiera biex mhux biss tkun irrestawrata biss jew kif qed tintuża illum bħala l-uffiċji amministrattivi tal-Kunsill imma din nirrestawrawha b’tali mod li aħna rridu ntuha lura lin-nies.”

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li l-Birgu hu teżor, b’din il-berġa hi waħda min-niċeċ turistiċi fil-lokalità.

“Din tifforma parti wkoll min-niċeċ turistiċi li irridu naraw li nattiraw lejn pajjiżna b’mod partikolari n-niċċa kulturali u dik storika fejn aħna irridu naraw li nattiraw iżjed turisti lejn din il-belt li tkompli tgħina biex ngħollu l-livell tal-prodott turistiku tagħna kemm għat-turisti u l-livell ta’ għajxien tal-familji Maltin u Għawdxin.”

Il-Ministru Bartolo qal li l-flus li se jiġu ddedikati għal dan ir-restawr huma turija biċ-ċar tal-investiment fit-tisħiħ tal-kwalità fil-prodott turistiku li joffri l-pajjiż.

Iċ-Chairman tal-Awtorità għat-Turiżmu, Gavin Gulia, qal li l-mixja lejn turiżmu ta’ kwalità se tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni li tattira niċċeċ ta’ turisti ta’ klassi.