Lokali
Se tiġi rrestawrata l-mina ta’ Għajn Dwieli – waħda mid-daħliet għall-bliet tal-Kottonera

Waqt li sal-aħħar tas-sajf Infrastructure Malta se tkun daret dawra tajba erba’ mini ewlenin: f’Ta’ Ġiorni, Tal-Qroqq, Santa Venera u Ħal Kirkop, l-aġenzija ħabbret li se tidħol għar-restawr tal-mina ta’ Għajn Dwieli. Din il-mina u t-toroq li jagħtu għaliha nbnew ‘l fuq minn 120 sena ilu mir-Royal Navy meta mmodifikaw is-swar tal-Cottonera Lines biex jakkomodaw żewġ baċiri ġodda għat-tarzna. L-esperjenza fl-erba’ mini l-oħra fejn ħafna mix-xogħol sar bil-lejl se tiġi ripetuta hawnhekk.

Il-Mina ta’ Għajn Dwieli – waħda mid-daħliet għall-Kottonera – se tiġi restawrata minn Infrastructure Malta b’investiment ta’ żewġ miljuni u mitejn elf ewro.

Il-perit responsabli mill-proġett, Kylie Borg Marks, spjegat li r-restawr se jsir fuq iż-żewġ daħliet tal-mina, kif ukoll fuq ix-xaft kbir ta’ ventilazzjoni li hemm f’nofsha. Ix-xogħlijiet se jinkludu t-tindif tal-ħitan u s-saqaf tal-mina min-nugrufun li nġema’ mas-snin u t-tikħil tal-ġebel tal-franka b’materjali li jippermetti lill-ġebla tieħu n-nifs filwaqt li jnaqqas l-influss tal-ilma li jnixxi b’mod naturali minn ġol-blat li hemm fuq l-istess mina. Se tiġi mtejba wkoll is-sistema tal-ispralli u katusi għall-ilqugħ tal-ilma xita.

“Ħa nkunu qed nindirizzaw problemi ta’ dawl billi ħa nkunu qed nagħmlu dawl aħjar milli hemm illum għall-benefiċċju tas-sewwieqa u ħa nkunu qed naraw il-possibilità li ntejbu s-sigurtà fit-triq billi ninstallaw barriers ġodda u nirranġaw it-triq innifisha”, qalet il-Perit ta’ Infrastructure Malta Kylie Borg Marks.

Ix-xogħol fuq il-Mina ta’ Għajn Dwieli li testendi 110 metri taħt il-Bastjun ta’ San Pawl, jinkludi wkoll l-istallazzjoni ta’ sistemi ġodda ta’ dawl u għal kontra n-nirien. Il-mina ser ikollha cameras ġodda ta’ sorveljanza għall-immaniġġjar tat-traffiku u tabelli elettroniċi.

Dan il-proġett tnieda waqt li Infrastructure Malta daħlet fil-fażi finali tax-xogħlijiet f’erba’ mini prinċipali f’toroq arterjali f’Ta’ Giorni, Tal-Qroqq, Santa Venera, u Ħal Kirkop, li qed isir b’investiment ta’ €10 miljun. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Fredrick Azzopardi qal li l-mini mhumiex jingħalqu matul il-ġurnata bix-xogħol qed isir biss bil-lejl.

“Sar xogħol ta’ struttura. Rajna anke għamilna ċertu studji biex naraw li l-konkos u l-ħadid u l-istrutturi li hemm fil-mini jifilħu. Kien hemm fejn anke għamilna ċertu interventi mela allura dak li wieħed qed jara llum huwa biss l-finishing touches. Jonqos l-aħħar ftit xogħlijiet li huwa pjuttost marbuta aktar mad-dawl u dan naraw li sal-aħħar tas-sajf ikun lest”, qal Fredrick Azzopardi, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta.

Il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg, qal li x-xogħol fuq il-mini mhuwiex wieħed kosmetiku. Fi kliemu l-aktar parti importanti se tkun is-sigurtà.

“Li jkun hemm dwal li jgħinu lill-għajnejn ta’ min ikun qed isuq. U dik hija xi ħaġa li n-nies se jinnuttaw fil-ġimgat li ġejjin fil-mini l-oħrajn li d-dwal li se jkunu qed jiġu installati ħa jkunu qed jgħinu lis-sewwieq u allura iktar sigurtà fil-mini u t-toroq tagħna”, qal Ian Borg, il-Ministru għall-Infrastruttura.

Ir-restawr fuq il-mina ta’ Għajn Dwieli ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar is-sena li għaddiet. Saret ukoll konsultazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali bil-għan li jiġu mħarsa l-karatteristiċi storiċi tal-mina u l-istrutturi tas-swar madwarha. Ix-xogħol mistenni jibda fil-jiem li ġejjin u jkun lest sas-sena d-dieħla. Ix-xogħlijiet fuq il-Mina ta’ Għajn Dwieli se jsir mal-lejl.