Knisja Maltija
Se tingħata t-titlu ta’ Bażilika nhar il-Ħadd li ġej

Wara nuqqas ta’ 51 sena, nhar il-Ħadd li ġej Malta se jkollha l-għaxar Bażilika. Dan għaliex wara proċess rigoruż li dam għaddej tliet snin, il-Knisja Arċipretali tal-Mosta se tingħata t-titlu ta’ Bażilika.

F’dawn il-jiem fil-knisja sar it-tibdil meħtieg biex il-Knisja tkun konformi mal-Bażiliċi madwar id-dinja.

Mistoqsi x’inhu jagħmel bħalissa, is-Sagristan Charles Schembri qal “qegħdin fl-aħħar preparamenti biex inpoġġu l-wiċċ tal-mejda.”

Fil-Knisja Arċipretali tal-Mosta TVM sab għadd ta’ voluntiera jħabirku biex ibidlu l-ambone, l-artal u s-sedja qabel il-Ħadd li ġej fejn, l-Arċisqof Charles J. Scicluna jiċċelebra quddiesa li matulha se jaqra d-digriet li bih is-Santwarju tal-Assunta se jsir Bażilika Minuri tal-Papa.

Il-Mixja tar-Rotonda biex issir bażilika bdiet tliet snin ilu.

Il-voluntier fil-grupp tal-armar Marija Assunta, Matthew Mifsud qal “kien ġie l-Arċisqof kont mort fil-kamra tal-abbatini għax jien abbati wkoll u għidtilhom ejja nsaqsuh għat-titlu ta’ Bażilika u saqsejnih u qalli iva jistħoqqilha t-titlu ta’ Bażilika u se naħdem għaliha.”

Din se tkun l-ewwel darba wara nuqqas ta’ 51 sena li Knisja f’Malta se tingħata dan it-titlu prestiġġjuż li Mark Micallef Perconte u William Muscat li ħadmu fuq id-dokumentazzjoni u l-proċess rigoruż mis-Santa Sede fissru bħala unur u qrubija mal-Papa.

Il-Voluntier fil-Knisja Arċipretali tal-Mosta, Mark Micallef Perconte qal “din il-Knisja ħaqqha peress li jiġu jżuruha ħafna turisti oħra ħafna jgħidulek ‘this Basilica’ imma fil-verità mhix u anke għalina tkun dejjem tixtieq l-aħjar għall-Parroċċa tiegħek jiġifieri aħna mrobbijin hawn u dejjem għidna ħaqqha ħaqqha imma issa wasalna.”

Il-Voluntier fil-Knisja Arċipretali tal-Mosta, William Muscat “it-titli forsi fi żminijietna ħafna jgħidu li m’għadhomx bżonjużi imma ħadna pjaċir bih bill-Valletta 18, dan mhux għal sena din il-Bażilika imma ħa nibqgħu ngawduha għal dejjem”

Għall-Arċipriet tal-Mosta, Dun Sebastjan Caruana t-titlu ta’ Bażilika jpoġġi aktar piż fuq il-komunità Mostija.

“Verament huwa titlu però naħseb li jpoġġi ċertu impenn, impenn ta’ servizz anke lejn min hu batut, impenn ta’ liturġija ħajja, ta’ poplu jimxi fit-triq tal-fidi għax jekk ma jkunx hemm dan l-impenn inutli jkollok it-titli għax fl-aħħar mill-aħħar it-titli mingħajr il-ħajja nisranija huma vojta”

Dan hu mument speċjali għall-parruċċani Mostin iżda x’aktarx aktar sinifikanti għas-sagristan li din is-sena se jirtira bil-pensjoni.

Is-Sagristan, Charles Schembri qal “jien ilni hawn 45 sena sagristan niftakar l-inkurunazzjoni għandi l-unur ngħid li ħdimt għall-inkurunazzjoni, ħdimt għal din u issa jekk il-Bambin fl-aħħar tas-sajf se nispiċċa b’għafsa ta’ qalb!”

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza l-forum dinji fejn ħabbar li għaxar operaturi tal-kannabis mediċinali kienu approvati mill-Malta Enterprise u anke se japplikaw mal-Awtorità tal-Mediċini biex jingħataw liċenzja. Dr Muscat qal…

Lokali

Riesqa lejn l-aħħar il-Presidenza ta’ Marie-Louise Coleiro Preca, bil-President Marie Louise Coliero Preca tiddeskrivi l-poplu Malti bħala wieħed ġeneruż li jaf jogħla ‘l fuq mill-argumenti u jingħaqad flimkien biex jesprimi…

Lokali

Il-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta beda jiltaqa’ f’Malta u qed jiddiskuti proposti biex isaħħaħ il-vuċi tal-Maltin imferxa f’diversi komunitajiet madwar id-dinja. Fil-ftuħ tal-laqgħa, il-Ministru Carmelo Abela qal li…

Aktar