Ippjanar u bini
Għadek fiċ-ċans tapplika biex tirregolarizza bini li mhux skont il-permess

F’erba’ snin, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat 14,000 applikazzjoni mingħand sidien ta’ proprjetà biex jirregolarizzaw xogħol li sar mhux skont il-permess tal-iżvilupp. Dan ippermetta li jsiru bosta kuntratti ta’ bejgħ u xiri ta’ proprjetà li kienu mwaħħlin. L-applikazzjonijiet bdew jintlaqgħu f’Awwissu tal-2016 fi skema li baqgħet tiġġedded kull sena.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, Martin Saliba, ħabbar li ġie deċiż li din l-opportunità tibqa’ miftuħa b’mod permanenti, bl-istess kundizzjonijiet kif hemm fil-liġi bħalissa.

Huwa qal li f’dawn l-erba’ snin l-awtorità rċeviet 16,600 applikazzjoni, u 85% minnhom ġew approvati. Spjega li għalkemm il-ħsieb oriġinali kien li l-iskema tingħalaq, l-awtorità fehmet li għad hemm każijiet li jistgħu jiġu regolarizzati b’din il-liġi.

“Jew ma jkunux konxji minn din ir-regolarizazzjoni jew ikun hawn familji li jakkwistaw proprjetà u jindunaw li din għandha xi problemi ta’ legalità. Allura nħasset il-ħtieġa li wara erba’ snin li ilha topera din il-liġi, ħallejniha miftuħa, mhux niftħuha sena sena.”

Is-Sur Saliba ċaħad li din hi barka għall-irregolaritajiet kollha. Spjega li l-applikazzjonijiet jintlaqgħu għal bini li tela’ qabel Awwissu 2016, meta daħlu fis-seħħ ir-regolamenti. Żied li applikazzjonijiet f’żoni barra l-iżvilupp ma jikkwalifikawx, u biex applikazzjoni tiġi kkunsidrata l-binja trid tirrispetta dak li jgħidu l-pjani lokali, bħall-għoli tal-bini, u karatteristiċi oħra marbuta mal-post.

Television Malta staqsa x’jiġri jekk l-awtorità ma tilqax applikazzjoni. “Awtomatikament jiskattaw il-proċeduri ta’ infurzar. Issa jekk ma jneħħihiex l-individwu jew is-sid, imbagħad l-awtorità tista’ tintervjeni.”

Fost eżempji komuni ta’ regolarizzazzjoni, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar semma aspetti fil-binja li ma kinux skont il-liġi tas-sanità, bħall-għoli tas-sulari u btieħi iżgħar, jew żidiet li saru fil-binja. Problema oħra indirizzata kienet ta’ appartamenti li nqasmu f’aktar minn residenza waħda.

“Kellna diversi proprjetajiet, appartamenti speċjalment ġewwa Buġibba, li kienu maqsumin dahar ma’ dahar, jiġifieri kellek appartamenti żgħar mingħajr ma qed iħarsu fuq xi triq pubblika, u dik kienet intopp biex wieħed jista’ jaċċetta mil-lat sanitarju biex tiġi regolarizzata.”

Qal li ma jfissirx li l-awtorità għalqet għajnejha u aċċettat kollox, għax f’kull każ ġie assigurat li l-proprjetajiet huma abitabbli.

Diversi mill-applikazzjonijiet approvati ċaqilqu s-suq tal-propjetaà għax affarijiet meqjusa żgħar li saru mingħajr permess kienu qed ixekklu l-bejgħ jew żammew lura l-banek milli jisilfu lil min irid jixtri. F’każi oħra, ingħata serħan il-moħħ lil ġenituri li se jħallu lil uliedhom b’wirt proprjetà mingħajr problemi.

Meta applikazzjoni tiġi approvata, l-applikanti jridu jħallsu multa li tvarja skont rati stabbiliti. F’erba’ snin, l-awtorità ġabret €34 miljun b’dan il-mod. Il-maġġoranza tal-flus, aktar minn €23 miljun, marru għall-iskema ‘Irrestawra Darek’. Il-kumplament marru f’fondi għal proġetti lill-Kunsilli Lokali u l-iżgħar persentaġġ inżamm mill-awtorita’ biex tkopri spejjeż ta’ amministrazzjoni.