Saħħa
Se titfassal strateġija ġdida għall-iscreening tat-tfal mit-twelid

L-iscreening tat-tfal mit-twelid sa sittax il-sena ser jitratta aktar l-iżvilupp tagħhom, b’mod partikolari l-aspett fiżiku, kif ukoll dak intellettwali.

Dan ser isir permezz ta’ strateġija ġdida li se titfassal minn kumitat inter-ministerjali, li ser joħroġ b’numru ta’ proposti biex jiġu indirizzati aħjar il-bżonnijiet li jkollhom it-tfal biex ikunu jistgħu jittieħdu l-passi preventivi li jkun hemm bżonn għall-aħjar żvilupp tat-tfal.

Waqt l-iffirmar tal-ftehim tal-kolloborazzjoni għall-istrategija b’rabta mal-iscreening tat-tfal, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Ruth Sciberras, qalet li l-kumitat li twaqqaf ser joħroġ b’numru ta’ proposti biex l-iscreening li jingħataw it-tfal ikun aktar ħolistiku, u ser jinkludi fost oħrajn l-istat tas-saħħa mentali u l-awtiżmu.

“Ikun hemm ukoll l-att emozzjonali, morali, fuq it-tfal u fuq il-familja, u wkoll biex isir taħriġ anke lill-profesjonisti li jkunu mal-famlja meta tingħatalhom aħbar sfortunatment diffiċli, bħal meta titweldilhom tarbija b’diżabilità, u dawn il-frontliners ikollhom it-taħriġ meħtieġ biex jissaportjaw il-familja f’dan il-mument li jkun ta’ dieqa għalihom.”

Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, qal li t-tisħiħ tal-kollobarazzjoni bejn it-tliet Ministeri ser tagħti servizz aħjar lill-familji Maltin u Għawdxin.

“Huwa importanti li wieħed jinkludi lil kulħadd fis-soċjetà, fil-komunità, indipendenti minn kollox, finanzi, stat soċjali u hawnhekk għandna strateġija kristalizzata ta’ kif mill-bidu nett, naraw li t-tfal kollha ta’ pajjiżna ikunu screened għal ċertu affarijiet u b’hhekk inkunu nistgħu nipprovdu bħala soċjetà għall-bżonnijiet tagħhom.”

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li l-istrateġija li ser titfassal se tidentifika u tagħraf diffikultajiet li jkollhom it-tfal biex ikunu jistgħu jittieħdu l-passi preventivi kollha li jkun hemm bżonn għall-aħjar żvilupp tat-tfal.

“Biex inħarsu lit-tfal mit-twelid tagħhom, sakemm ikomplu jikbru, biex meta jkun hemm diffikulta, ikunu nistgħu nilqgħu għaliha mill-bidu. Waħidna ma naslux minn naħa ta’ edukazzjoni, il-politika soċjali waħidhom ma jaslux, u lanqas sħabna tas-saħħa waħidhom ma jaslux. Allura naħdmu flimkien. Illum ghamilna pass ieħor għall-kollobarazzjoni formali bejnietna.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis qal li din l-istrateġija hija turija ċara ta’ kemm il-gvern huwa kommess li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità.

Meta titlesta l-istrateġija, li ser tiffoka fuq l-iskejjel tal-Gvern u tal-Knisja, fix-xhur li ġejjin ser tkun qed titnieda għal konsultazzjoni pubblika.