Turiżmu
Se titgawda mill-għaddasa wara 13-il sena servizz

Damet tagħti servizz lit-Taqsima Marittima tal-Armata għal 13-il sena. Xogħolha issa jitkompla iktar minn 20 metru taħt l-ilma biex titgawda mill-għaddasa. Il-Patrol Boat P33 dalghodu tniżżlet f’qiegħ il-baħar ‘il barra mill-Ponta taz-Żonqor.

Dik li kienet il-patrol boat P33 tal-Forzi Armati ta’ Malta tniżżlet f’qiegħ il-baħar ‘il barra mill-ponta taż-Żonqor f’Wied il-Għajn. Il-P33 ġiet mgħarrqa s-Sibt filgħodu biex issa sservi ta’ attrazzjoni għall-għaddasa f’fond ta’ kważi 30 metru … it-tielet opra tal-baħar fil-qigħan tal-inħawi. Dan sar f’operazzjoni li ġiet organizzata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Professjonali tal-Għaddasa.

“Mill-Malta Church Wharf ġewwa l-Port il-Kbir, il-bastiment P33 inġieb proprju hawnhekk fil-limiti ta’ Marsaskala fejn mil-lum flok ittella’ fuq l-art se jsib postu f’qiegħ il-baħar”.

Il-P33 kien fost diversi opri tal-baħar oħra fi stat mitluq fil-Port il-Kbir li qed jitneħħew bil-għan li Infrastructure Malta tkun tista’ tibda proġett ta’ tindif u tħammil ta’ qiegħ il-baħar.

Il-bastiment P33 ingħata l-ħajja fis-sebgħinijiet fil-Lvant tal-Ġermanja u nġieb fi xtutna fil-bidu tad-disgħinijiet. Patrol boat, li fiha madwar 70 pied u li hija kkaratterizzata minn taħlita ta’ ħadid u aluminju.

Il-P33 ġiet mgħerrqa bl-ilma, sakemm għoddsot mill-poppa qalb l-entużjażmu ta’ wħud li minkejja l-mewġa ta’ sħana li qed tolqotna nġabru biex isellmu lil dan il-bastiment. L-inżul tiegħu ngħata tislima wkoll mill-Forzi Armati ta’ Malta.

Dominic Vassallo qatta’ madwar tliet snin u nofs fuq il-P33 bħala baħri. Tefgħa ta’ ġebla bogħod mill-bastiment, qabel ma ġie mgħerreq, Vassallo stqarr ma’ Television Malta li ħabbat wiċċu ma’ diversi esperjenzi abbord dan il-bastiment.

“Dominic inti kont issuqha wkoll…x’tiftakar minnha l-P33? Niftakar ħafna memorji sbieħ u jiena kont bdejt baħri…kont bdejt fuqha qisu bejn in-90 u n-95 xi ħaġa hekk. Niftakar ħafna memorji sbieħ hux…fuqha tgħallimt hux…ħadna pjaċir ukoll…morna għal katavri wkoll hux qed tifhem”.

Vassallo qal li jinsab kuntent li l-P33 se jibqa’ jħalli l-frott.

“Ma qattgħuhiex. Dik xi ħaġa sabiħa wkoll li jgawduha d-divers…dawn in-nies li huma dilettanti ħafna hux”.

F’kummenti lil Television Malta, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Johann Buttigieg spjega li l-proċess biex titniżżel il-P33 ilu li beda s-snin.

“Prattikament proċess twil li kważi ilu għaddej aktar minn seba’ snin fi studji ambjentali u proċessi ta’ pjanar”.

Buttigieg qal li l-bastiment li se jmissu l-istess xorti tal-P33 huwa l-Hephaestus.

Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo stqarr ma’ TVM li dik ta’ dalgħodu kienet okkażjoni biex ikompli jitjieb il-prodott turistiku ta’ pajjiżna b’mod speċjali n-niċċa li tattira għaddasa lejn Malta.