Kultura
Se tittella’ l-ewwel attività kulturali tal-massa fil-Belt mill-pandemija

Kunċert kbir ta’ mużika klassika u popolari minn tliet tenuri Maltin ta’ fama internazzjonali mistenni jwitti t-triq għan-normalità tal-attivitajiet kulturali. Opera in The City se jsir is-Sibt li ġej fi Pjazza San Ġorġ.

Il-ħajja qed tistejqer u gradwalment id-dinja qed terġa’ tmur lejn in-normalità, b’attivitajiet li n-nuqqas tagħhom inħass sew kawża tal-pandemija. Opera in the City huwa l-ewwel avveniment tal-massa wara żewġ kunċerti li saru dan l-aħħar, u li r-rispons għalihom kien tajjeb. Huma tliet tenuri Maltin ta’ fama internazzjonali li se jieħdu sehem ghall-ewwel darba flimkien.

Cliff Zammit Stevens, Alan Sciberras u Nico Darmanin qalu liċ-ċentru tal-aħbarijiet li qed iħarsu ‘l quddiem bi stennija kbira għall-Opera in the City – kunċert li huma qalu se jqanqal emozzjoni kif tagħmel il-mużika.

“Minħabba l-pandemija li kellna ovvjament ma stajniex nesprimu ruħna quddiem il-pubbliku, allura dak l-eċitament ħa jkun daqsxejn aktar, ovvjament aħna se nkantaw diversi lingwi, però naħseb li l-mużika hija universali u ħa tmiss lil kulħadd, jiġifieri aħna għażilna repertorju sabiħ ħafna… ħa jkun hemm ħafna li n-nies jafuhom… jiena nħeġġeġ lil min ikun jista’ jagħraf is-siltiet li qed nagħmlu biex ikanta magħna wkoll u jiddeverti f’din is serata.”

Iċ-Chairman tal-aġenzija kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, esprima s-sodisfazzjon tal-aġenzija kulturali li qed terġa’ lura wara 16-il xahar ta’ waqfien mill-attivitajiet u avvenimenti kulturali. “Is-Sibt li ġej huwa l-istaġun ta’ Opera in The City, jiena eċitat ħafna għax din hija l-ewwel attività, tista’ tgħid tal-massa, bla ħlas għall-pubbliku Malti f’dan il-madwar mill-isbaħ, mhux biss il-palazz tal-granmastru imma naturalment fil-pjazza San Ġorġ.”

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Jose Herrera, qal bl-attivitajiet li saru s’issa bħala prova, jidher li ma kienx hemm problemi u kollox kien taħt kontroll. Huwa qal illi dan ifisser li tista’ titwitta t-triq għan-normal tant mistenni.