Infrastruttura
Se titwaqqaf Awtorità ġdida li se sservi ta’ regolatur għall-industrija tal-bini

Qabel titwaqqaf uffiċċjalment l-Awtorità ġdida tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-Gvern nieda konsultazzjoni pubblika dwarha li l-għan hu li sservi ta’ regolatur wieħed li jinkludi l-entitajiet involuti fl-industrija tal-bini li tħaddem direttament mat-13,000 persuna.

Fil-preżentazzjoni tal-White Paper għat-Twaqqif tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-kordinatur għat-twaqqif ta’ din l-Awtorità Carlo Mifsud qal li l-għan tar-riforma hu li jkun hawn regolatur wieħed li jinkludi fih erba’ entitajiet – il-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini, l-Uffiċċju għar-Regolmenti tal-Bini, il-Bord għar-Regolamenti tal-Bini, u l-Bord tal-Bennejja.

Is-Sur Mifsud qal, “Hekk ifisser li nkunu qegħdin nagħmlu iktar riżorsi flimkien, iżda wkoll inkunu nistgħu ngħaqqdu iktar funzjonijiet…. Li qegħdin naraw ukoll huwa l-fatt li għandek diversi liġijiet u regolamenti li huma sparpaljati f’postijiet differenti u allura qed naraw li dawn jiġu kkonsolidati f’post wieħed għax l-ewwelnett tissimplifika għan-nies in ġenerali, iżda wkoll għal min qed jaħdem fl-industrija.”

Dwar dan tkellem ukoll il-Perit Dr Robert Musumeci li qal li hemm inkonsistenza fil-liġijiet u wħud minnhom m’għadhomx jagħmlu sens fir-realtajiet tal-lum il-ġurnata.

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, Sandro Chetcuti, qal li l-MDA dejjem saħqet li jkun hemm regolatur wieħed u wera t-tama li li mal-Awtorità ġdida jkunu nvoluti entitaijiet bħas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg, qal li bħalissa dawk kollha involuti f’dan is-settur m’għandhomx post wieħed fejn jistgħu jmorru meta jkollhom xi diffikultà. Għalhekk sostna li hemm bżonn li r-responsabbilitajiet jitqassmu u jkunu aktar ċari.

Dr Borg qal li hu importanti li permezz tal-Awtorità l-ġdida tkun żgurata iżjed kwalità fil-bini u iżjed dixxiplina waqt li jkunu għaddejjin ix-xogħolijiet. Qal li hu fl-interess ta’ min qed jiżviluppa li ma jħallix lil dawk il-ftit jabbużaw u joħolqu inkonvenjent fil-komunità.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà Chris Agius, qal li fl-aħħar ġimgħat saru 52 laqgħa ta’ konsultazzjoni waqt li spjega kif regolatur wieħed se jgħin fit-tnaqqis tal-burokrazija.

Is-Segretarju Parlamentari Agius qal, “Matul is-snin kien hemm nurmu ta’ liġijiet li ma ġewx aġġornati maż-żminijiet u allura aħna qed inħarsu ‘l quddiem li permezz ta’ support u konsultazzjoni miftuħa jkollna l-aqwa liġi possibbli biex inkunu nistgħu nħarsu dawn l-affarijiet.”

Il-konsultazzjoni pubblika dwar il-White Paper għat-Twaqqif tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni tagħlaq fil-15 t’Ottubru u tista’ ssibha hawnhekk – White Paper Awtorita ghall-Bini u l-Kostruzzjoni

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Tfajla ta’ 24 sena bil-kundizzjoni Bi-Polar qalet li minn ħajja solitarja u dipressiva, illum qed tgħix ħajja feliċi grazzi għal mara li qed tiddedika ħajjitha għal żgħażagħ b’diżabiltà. Fiona Ellul…

Lokali

Fis-sajf li ġej, grupp ta’ ċiklisti mil-LifeCycle ser jaqdfu elfejn kilometru fi tliet pajjiżi fl-Ażja biex ikomplu jinġabru fondi għar-riċerka fuq il-mard tal-kliewi u biex tkun iffinanzjata għajnuna psikoloġika għall-pazjenti…

Kultura

Fil-Mużew Marittimu fil-Birgu se jkun hemm esebizzjoni li tiċċelebra l-legat tal-esploratur marittimu, Jacques Cousteau, u l-konnessjoni tiegħu ma’ Malta permezz tal-vapur ‘Calypso’, li wara li baħħar bi vjaġġi bejn Malta…

Sport

Kumpanija Maltija li bbenefikat mill-programm nazzjonali ta’ Riċerka u Innovazzjoni, Fusion, bdiet tipproduċi sistemi ta’ dawl LED biex jintużaw f’kumplessi sportivi. F’kollaborazzjoni ma’ SportMalta, il-kumpanija Altern bdiet tinstalla sistema ta’…

Aktar