Saħħa
Insulina ġdida fil-formularju tal-Gvern għall-pazjenti biz-zokkor

Min-nhar il-Ħamis, madwar elfejn persuna bil-kundizzjoni taz-zokkor se jkunu intitolati għal insulina ġdida li hi iktar effettiva għax fost oħrajn tittieħed darba biss kuljum. F’konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, qal li permezz tal-insulina l-ġdida, il-pazjenti se jnaqqsu l-inkonvenjent għalihom u se jiġu ffrankati l-flus.

Jumejn bogħod mill-Jum Dinji għad-Dijabete, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, ħabbar li min-nhar il-Ħamis se tiżdied insulina ġdida fil-formularju tal-Gvern u se tibda tingħata b’xejn lill-persuni biz-zokkor.

Il-Ministru Fearne qal li permezz ta’ din l-insulina, madwar elfejn pazjent bid-dijabete Type 2 se jiffrankaw medja ta’ €400 kull wieħed fis-sena. Hu spjega li ħafna mill-insulini antiki kienu jikkawżaw allerġiji lill-pazjenti u l-ġisem kien jidrahom malajr.

“Din l-insulina hi dik li jgħidulha long-acting jiġifieri toħodha darba biss, darba kuljum u allura tevita iktar tingiż imma iktar importanti, iżżomm il-livell taz-zokkor iktar b’mod kostanti u tevita li pazjent jista’ jħossu ħażin jekk jinżillu ħafna l-livell taz-zokkor tad-demm.”

Il-Ministru Fearne qal li s-sena d-dieħla se tiddaħħal teknoloġija ġdida biex isir monitoraġġ kontinwu tal-livell taz-zokkor fid-demm fit-tfal bid-dijabete Type 1.

Il-pazjenti jkollhom patches li jaqraw il-livell taz-zokkor fid-demm b’mod kostanti. Dak it-tagħrif jgħaddi b’mod awtomatiku bil-WIFI lill-Intelliġenza Artifiċjali li mbagħad tkun tista’ talertja lill-ġenituri u lit-tobba f’każ illi l-livelli taz-zokkor ikunu qed ivarjaw sew.

Dr Fearne qal li minn Jannar li ġej se jkun hemm zewg konsulenti tad-dijabete li jaraw lin-nies fiċ-ċentri tas-saħħa.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Heritage Malta flimkien mal-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, ġabu lura Malta pittura prestiġġjuża ta’ Mattia Preti li sal-aħħar tas-seklu 19 kienet fil-Palazz tal-Granmastru l-Belt u mbagħad spiċċat f’kollezzjoni privata l-Istati Uniti….

Qorti

Ingliż ta’ 43 sena, Neil Andrew Bebbington li joqgħod iż-Żebbuġ, Għawdex ingħata sentenza ta’ probation wara li ammetta li fl-2018 kellu fil-pussess tiegħu droga kokaina u kannabis. Huwa kien akkużat…

Qorti

Raġel li sawwat sal-punt li kważi qatel raġel fis-sakra li ħebb għalih barra post tad-divertiment inħeles mill-akkużi fuq bażi li ddefenda ruħu. Shaun Demicoli ġie akkużat li darab gravi lit-Tuneżin…

Lokali

Il-Gvern mistenni jibda l-proċess ta’ għażla ta’ żewġ Prosekuturi Delegati Ewropej biex jingħaqdu fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pobbliku Ewropew (UPPE), li ser ikunu stazzjonati Malta. L-għażla se ssir permezz ta’ sejħa pubblika bil-għan…

Aktar