Pulizija
Se tiżdied l-età ta’ reklutaġġ mal-Korp tal-Pulizija

L-età ta’ reklutaġġ mal-Korp tal-Pulizija se tiżdied minn 30 għal 39 sena. Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li dawn l-emendi se jġibu l-bidla li hemm bżonn biex jiżdied in-numru ta’ kandidati li jistħu japplikaw għall-kariga ta’ kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija.

Permezz ta’ avviż legali li se jiġi ppublikat illejla, l-età tar-reklutaġġ fil-Korp tal-Pulizija se titla’ min 30 għal 39 sena. F’kummenti ma’ Television Malta, il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal li din id-deċiżjoni ttieħdet wara li sar eżami ta’ kif isir l-ingaġġ f’forzi dixxiplinarji barranin u oħrajn lokali fosthom fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li m’ għandux restrizzjonijiet fejn jidħlu l-età għall-ingaġġ.

“Fl-aħħar xhur ħadna deċiżjoni li ntejjbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Pulizija. Dawn il-bidliet qiegħdin hemm biex iħajru aktar persuni jagħtu servizz lil pajjiżhom”.

Il-Ministru Camilleri qal li dawn l-emendi se jkunu qed iressqu aktar talent fil-Korp tal-Pulizija u b’hekk titferrex it-taħlita ta’ enerġija ġdida flimkien mal-esperjenza vasta tal-pulizija. Qal li L-istat ħa jibbenifika, billi jkun hemm inqas pulizja li jirtiraw ta’ età żgħira. Mistoqsi jekk din il-bidla hux se taffetwa l-pensjoni tas-servizz il-ministru Camilleri qal li rekluta ġdid ta’ 39 sena xorta waħda se jkun qiegħed jirtira ta’ 64 sena.

Mistoqsi hux se jsiru bidliet oħrajn għar-rekluti ġodda fosthom regoli dwar tpinġija l-Ministru qal li għandu rieda għall-emendi.  “Fejn jidħol tattoos jien miftuħ ħafna għalihom però jeħtieġ nirregolaw kif suppost.”

Dawk kollha li issa ser ikunu eliġibli u li jkollhom bejn 31 u 39 sena ser ikollhom jagħmlu diversi testijiet inkluż test fiżiku.

Intant fi stqarrija separata, il-Ministru Camilleri ħabbar li l-Aġenzija tal-Infurzar Lokali il-LESA se tkun qed tiddedika miljun ewro fis-sena mill-ħlas taċ-ċitazzjonijiet biex isiru proġetti fil-lokalitajiet fosthom ambjentali, infrastrutturali, edukattivi u ta’ restawr.

Waqt li żar wieħed mill-proġetti ta’ restawr f’Ħal Qormi fejn b’nefqa ta’ €28,000 qed isir restawr fuq statwa ta’ San Ġorġ, tisbiħ tal-pjazza u qed isiru wkoll xi sqaqien antiki. Fid-diskors tiegħu l-Ministru enfasizza li d-dixxiplina għandha twassal biex fis-soċjetà nirrispettaw iktar lil xulxin u mhux biex nieħdu gost nikkastigaw.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Malti li jgħix l-Istati Uniti fl-aħħar sigħat esperjenza mill-qrib il-vjolenza u l-protesti li qed isiru f’diversi ibliet Amerikani wara l-qtil tal-Afro Amerikan George Floyd. Joseph Vassallo li ilu jgħix f’Santa…

COVID-19

Konsulent ewlieni tal-ġenetika jemmen li fi żmien ġimagħtejn oħra l-coronavirus jekk nibqgħu attenti jaf jisparixxi minn Malta. Il-Professur Christian Scerri qal li issa li se jitneħħew aktar miżuri restrittivi, importanti…

Pulizija

Iż-żgħażagħ Andre’ Mifsud u Kelsey Bugeja huma fost is-sitta u erbgħin rekluta li bdew taħriġ intensiv fl-akkademja tal-forzi dixxiplinati biex iservu bħala kuntistabbli. Oħrajn se jingħataw iċ-ċans japplikaw f’sejħa li…

COVID-19

Lura għan-normalità, iżda fadal xi ftit miżuri li se jibqgħu fis-seħħ fosthom il-limitazzjonijiet fl-operat tad-diskoteki li huma l-kalamita speċjalment għal ġenerazzjoni żagħżugħa. Organizzaturi ta’ festini mfittxija minn eluf f’Malta qalu…

Aktar