Ċinema
Seba’ produzzjonijiet jinġibdu f’Malta matul dan ix-xahar

Dan ix-xahar kien wieħed impenjattiv ħafna għall-industrija tal-films f’Malta tant li kien għaddej ix-xogħol fuq 7 produzzjonijiet differenti.

Il-Malta Film Commission qalet li dawn is-7 produzzjonijiet ħallew fl-ekonomija ta’ Malta ‘il fuq minn €30 miljun u ħaddmu aktar minn 1,000 persuna.

Television Malta tkellem mal-kap tal-operat tad-dipartiment tad-dawl fi ħdan il-Malta Film Studios li stqarr li dawn il-produzzjonijiet jirrikjedu ħafna xogħol, iżda li meta jkunu lesti jħallu sodisfazzjon kbir.

Tlesta l-ġbid f’Malta ta’ xeni għall-film The Last Voyage of the Demeter li mistenni jibda jintwera fil-bidu tal-2023.

Għal Adrian Dominic Bartolo, li huwa l-Kap tal-Operat tad-Dipartiment tad-Dawl fi ħdan il-Malta Film Studios u li għandu snin ta’ esperjenza f’dan ix-xogħol, din kienet biċċa xogħol intensiva iżda, fi kliemu stess, sabiħa.

Huwa stqarr li produzzjoni ta’ dan it-tip iġġib magħha għadd ta’ sfidi.

“Dan il-film kellu ħafna xeni mal-lejl u ovvjament kien jinvolvi li peress li bil-lejl irridu nixgħelu ċertu postijiet biex jinħoloq dak l-effett kellna ħafna strutturi li jitilgħu mal-vapur li jixgħelu skont il-bżonn”.

Ma’ Television Malta rrakkonta kif ħadem fuq ħafna produzzjonijiet bl-ewwel wieħed ikun il-film Munich ta’ Steven Spielberg.

“L-ewwel wieħed li kont involut sewwa kien Munich ta’ Spielberg … kienet esperjenza sabiħa wkoll … l-istess bħal dan anke materjal kellu ħafna … kienet esperjenza wkoll … ħdimt fuq Assassins Creed ukoll … l-istess, dawn kollha huma films kbar li jinvolvu n-nies u ħafna materjal”.

Il-film The Last Voyage of the Demeter kien wieħed minn 7 produzzjonijiet differenti li kien għaddej xogħol dwarhom matul dan ix-xahar.

Il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, qal li l-industrija tal-films kompliet tirreġistra tkabbir minkejja l-isfidi li introduċiet il-pandemija.

Wera l-fehma li l-viżjoni u l-istrateġija tal-Malta Film Commission qed tħalli riżultati biex l-industrija lokali tkompli għaddejja tul is-sena kollha.

Grech tkellem dwar il-bżonn li l-industrija tkun waħda sostennibli fejn l-opportunitajiet ta’ xogħol ikunu hemm għal kulħadd.

Huwa temm jgħid li produzzjonijiet li qed jinħadmu f’Malta huma minn studios ta’ produzzjoni minn swieq differenti fosthom mill-Amerika, Ingilterra, Żvezja, Norveġja u Ġermanja.

Għall-produzzjonijiet intużaw numru ta’ postijiet differenti, apparti l-faċilitajiet tal-Malta Film Studios u l-Forti Rikażli.